Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL, IS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Aktar appoġġ lill-vittmi ta’ traffikar uman

pr230294
Date Icon 24/02/2023

F'konferenza tal-aħbarijiet, ingħataw dettalji dwar ir-riżultati li ħarġu mill-proġett “All Equal", li kien immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS). L-għan prinċipali ta' dan il-proġett, li kien ffinanzjat minn fondi Ewropej, kien li jassisti lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li jispiċċa vittma ta' traffikar uman u li nqabdu f'pajjiżna.

Permezz ta' dan il-proġett, dawk il-persuni li ġew fil-bżonn ta' dan is-servizz setgħu jiġu assistiti biex fost l-oħrajn jiġu offruti appoġġ biex jegħlbu t-trawmi marbuta mat-traffikar uman u jiġu megħjuna biex jimxu lejn l-indipendenza u l-integrazzjoni. Ġiet offruta wkoll akkomodazzjoni sigura lill-vittmi kollha li kienu jeħtieġu protezzjoni u għajnuna biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta' sfruttament.

Ġie spjegat li dan il-proġett beda jopera fis-sena 2020 u b'kollox kienu identifikati 10 vittmi rġiel u nisa, li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 u l-50 sena, u li bdew jgħixu f'dik magħrufa bħala “safe house". Kif ukoll, permezz ta' valutazzjoni tar-riskju nstab illi kien hemm 29 persuna li potenzjalment kienu vittmi ta' traffikar uman, illi ngħataw appoġġ u għajnuna soċjo-legali. Traffikar marbut max-xogħol kien l-aktar problematiku fejn kienu rreġistrati 19-il każ, filwaqt li kien hemm 7 każijiet marbuta ma' esplojtazzjoni sesswali.

Permezz ta' dan il-proġett ukoll, ingħata aktar għarfien dwar it-traffikar tal-persuni, fejn ġew organizzati għadd ta' sessjonijiet ta' taħriġ lill-front liners biex jifhmu aktar dan il-fenomenu u jgħinuhom jagħrfu s-sinjali marbuta mal-istess fenomenu. Saru wkoll għadd ta' sessjonijiet mal-migranti biex mhux biss ifittxu appoġġ meta jkun meħtieġ, iżda wkoll biex ikunu lesti li jitkellmu dwar kwalunkwe sfruttament li jiffaċċjaw matul il-vjaġġ tagħhom.

Il-proġett ġabar flimkien partijiet ikkonċernati differenti li jaħdmu fil-qasam tat-traffikar tal-persuni u l-migrazzjoni biex jiddiskutu l-kollaborazzjoni u juru front magħqud meta jittrattaw kwistjonijiet relatati mat-traffikar uman.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tkellem dwar l-assistenza kontinwa li tagħti l-FSWS lil vittmi ta' traffikar uman, anke permezz tad-diversi residenzi li jilqgħu propju persuni bħal dawn għal żmien indefinit, sakemm jingħataw l-għajnuna neċessarja marbuta mas-saħħa tal-individwi.

“Se nibqgħu nkunu hemm għal dawn il-persuni, speċjalment jekk ikunu akkumpanjati minn minuri. Kull persuna hija importanti, u nkunu fallejna bħala soċjetà jekk nonqsu jew nagħlqu għajnejna għal realtajiet soċjali kiefra," stqarr il-Ministru Falzon.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li dan il-proġett sar b'investiment ta' madwar €332,000 mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 2014–2020. “L-għan tal-proġett huwa li jipprovdi servizzi professjonali u appoġġ liċ-ċittadini ta' Pajjiżi Terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Eżempju ieħor konkret ta' kif il-fondi Ewropej qegħdin jagħmlu differenza f'ħajjet in-nies u joffru għajnuna lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin," stqarr is-segretarju parlamentari.

Fid-diskors tagħha, s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg enfasizzat it-theddida globali tat-traffikar tal-bnedmin, li ddeskrivietu bħala reat li mhux biss jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem iżda wkoll jisraq it-tgawdija tal-ħajja lil eluf ta' nies  minn madwar id-dinja kollha.

“Filwaqt li tnedew diversi kampanji edukattivi mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jiġu identifikati l-vittmi tat-traffikar, inħoloq kumitat inter-ministerjali magħmul minn rappreżentanti ta' ministeri differenti biex tiżdied il-koordinazzjoni li twassal biex jiġu identifikati dawk il-persuni li huma vittmi ta' dan ir-reat, għaliex t-traffikar tal-bniedem ma jafx limiti, u mhux marbut ma qasam jew settur wieħed," qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL, IS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Aktar appoġġ lill-vittmi ta’ traffikar uman
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL, IS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Aktar appoġġ lill-vittmi ta’ traffikar uman
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL, IS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Aktar appoġġ lill-vittmi ta’ traffikar uman
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

Aktar Stqarrijiet Right arrow