STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR: Inawgurat l-iSpazju għall-Arti u t-Teatru fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi inawgura l-iSpazju għall-Arti u t-Teatru fil-Park Nazzjonali ta' Malta, f'Ta' Qali, li se jkun qed jintuża bħala post fejn isiru produzzjonijiet kulturali, fosthom wirjiet u spettakli teatrali. Se jservi wkoll bħala spazju għall-artisti fejn jistgħu jesebixxu x-xogħol artistiku tagħhom għall-pubbliku.
Dan l-ispazju għall-arti se jkun qed jikkumplimenta l-Amfiteatru Grieg eżistenti li wkoll ġie modernizzat b'faċilitajiet ġodda u aċċessibbli għall-bżonnijiet artistiċi bħal rehearsal rooms, changing rooms u showers, fost oħrajn. Taħt l-istess teatru, li jakkomoda madwar 850 persuna, tlestiet ukoll sala li tista' tintuża għal funzjonijiet diversi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif din iż-żona se tagħti dimensjoni oħra lill-proġett tal-Park Nazzjonali li issa mhux biss se jkun spazju miftuħ mill-isbaħ fejn wieħed jista' jmur iqatta' ftit ħin ta' mistrieħ mal-familja, iżda wkoll pjattaforma għall-artisti lokali u internazzjonali fejn jesebixxu t-talenti tagħhom.
Il-Perit responsabbli mill-proġett, il-Perit Nadia Curmi, spjegat kif f'dawn il-kmamar sar xogħol estensiv ta' servizzi b'sistema ġdida ta' ventilazzjoni u ta' arja kkundizzjonata. Il-Perit Curmi kompliet tgħid li d-disinn ta' din iż-żona sar b'tali mod li l-ispazju jitħalla flessibbli u newtrali kemm jista' jkun, sabiex tispikka l-arti tal-installazzjonijiet esebiti.
It-tlestija ta' din iż-żona hija fażi oħra mill-proġett tal-Park Nazzjonali ta' Malta f'Ta' Qali li qed jiġi kkordinat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u huwa wieħed mill-akbar proġetti ta' spazju miftuħ f'pajjiżna. Waqt li rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu f'dan il-proġett, il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm jgħid li, “Fit-totalità tiegħu l-proġett tal-Park Nazzjonali se jkun ċertifikat ieħor ta' kwalità li jkompli juri l-ħidma ta' dan il-Gvern biex jinħolqu spazji miftuħa mill-isbaħ b'enfasi fuq l-aspett ambjentali u fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies."
Fl-istess Spazju għall-Arti u t-Teatru, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b'kollaborazzjoni mal-Mużew tal-Avjazzjoni bħalissa qed itella' esebizzjoni ta' pjanti u ritratti antiki li juru l-istorja tal-iżvilupp taż-żona ta' Ta' Qali tul iż-żminijiet. Il-pubbliku jista' wkoll jara esebizzjoni oħra tal-illustrazzjonijiet grafiċi mill-kotba tal-awtur rinomat Trevor Zahra, li ismu huwa sinonimu mal-kotba għat-tfal.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en