Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jinawgura l-wirja ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’

PR230272
Date Icon 21/02/2023

Il-President ta' Malta George Vella inawgura wirja bl-isem 'Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali', li qed tittella' b'kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta.

Imqassma fuq għaxar temi, il-wirja tkopri l-istorja tal-ilsien Malti mill-għeruq Semitiċi tiegħu sakemm fl-1964 ġie ddikjarat bħala l-ilsien nazzjonali ta' Malta u fl-2004 bħala wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta' dokumenti, kotba u tabelli bit-tagħrif, il-wirja tlaqqa' lill-pubbliku fost oħrajn mal-Kantilena ta' Pietru Caxaro, il-prietki bil-Malti ta' Ignazio Saverio Mifsud, il-kitbiet ta' Agius de Soldanis u Vassalli, l-unika ħarġa tal-gazzetta 'L'Arlecchin' bil-Malti f'Diċembru tal-1838, il-kwistjoni tal-lingwa, it-twaqqif tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, kif ukoll xogħlijiet monumentali bħat-traduzzjoni tal-Bibbja minn Pietru Pawl Saydon u d-dizzjunarju ta' Ġużè Aquilina.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-President Vella nnota kif minn din il-wirja joħroġ li l-mixja biex ilsienna jibqa' ħaj għadha għaddejja u trid tibqa' għaddejja. Joħroġ ukoll il-fatt ta' kemm ilsienna ta prova matul is-snin li għandu pedamenti sodi u kemm huwa reżiljenti u kapaċi jadatta għal żminijiet u sfidi differenti. Ilsienna, qal il-President, minbarra li jifforma parti mill-kultura u l-identità tagħna, huwa element qawwi li jgħaqqadna bħala ġens. Għaldaqstant, appella għal aġġornament kontinwu li jirrispetta kemm l-għeruq kif ukoll l-istruttura u t-tħaddim tal-lingwa bil-għan li lsienna nżommuh ħaj u attiv.

“Hija ħasra li l-użu tal-Malti fostna qed jonqos," stqarr il-President waqt li semma kif il-Malti qed jiġi mdakkar aktar minn qatt qabel minn elementi tal-lingwa Ingliża. Semma wkoll kif il-Malti qed jintilef bil-mod il-mod fost l-eluf ta' Maltin li jgħixu barra minn Malta. “Huwa minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-uffiċċju tiegħi dejjem fittex li jaħdem mill-qrib mal-għaqdiet tal-Malti bil-għan li jiġu identifikati miżuri konkreti li jgħinuna naslu għall-użu tajjeb tal-lingwa Maltija, kif ukoll għall-użu ta' Malti tajjeb," żied jgħid il-President waqt li għamel referenza għall-kampanja 'l-ilsien Malti għal qalbi' li qed isir b'kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President u seba' għaqdiet tal-Malti.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal; “Din hija wirja li tfakkar 100 sena ta' perseveranza għall-ilsien Malti. Kull lingwa għandha karatteristiċi li jagħmluha unika u dawn irridu nippreservawhom bl-aħjar mod possibbli sabiex l-identità ta' kull pajjiż inżommuha ħajja. Ħadd ma jista' jiċħad li dawn il-wirjiet Maltin huma element importanti tal-identità Maltija. Grazzi għal-lingwa Maltija, aħna bħala poplu esprimejna bl-aqwa mod l-ambizzjoni tagħna lejn l-identità tagħna."

Iċ-Chairman ta' Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li din il-wirja għandha tliet għanijiet: l-ewwel li nirrikonoxxu li l-ġrajja ta' lsienna ma kinitx faċli u ħaqqhom ġieħ kbir dawk li ħadmu kemm felħu għalih; it-tieni biex niġu xprunati nindunaw u nifhmu li l-ilsien Malti huwa wirt tagħna li ta' min jgħożżu; u t-tielet biex nitgħallmu mill-imgħoddi, napprezzaw ilsienna u nibżgħu għalih.

Joseph Borg, Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, qal li l-kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti bdiet mit-taħdita li saret f'għeluq l-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir fl-2015 u kompliet permezz ta' pubblikazzjonijiet, fosthom id-'Damma' ta' Agius de Soldanis fl-2016 u 'Storja tal-Ilsien u l-Letteratura Maltija – kronoloġija' ta' Dr Mario Cassar fl-2021.

B'rabta ma' din il-wirja, se ssir taħdita minn Dr Mario Cassar dwar l-ilsien Malti fi żmien l-Ordni (1530 – 1798) fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija nhar il-Ġimgħa li ġej fis-6.30pm.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jinawgura l-wirja ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jinawgura l-wirja ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jinawgura l-wirja ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jinawgura l-wirja ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

Aktar Stqarrijiet Right arrow