STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ “Li niżguraw l-akbar appoġġ għall-pjan ta’ paċi tal-Ukrajna fin-Nazzjonijiet Uniti huwa kruċjali” – il-Ministru Ian Borg
Waqt li tkellem fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg ħeġġeġ lill-ministri l-oħra tal-Unjoni Ewropea jiżguraw li l-akbar appoġġ possibbli għall-pjan ta' paċi tal-Ukrajna jingħata fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Ministru Borg ggarantixxa l-appoġġ kontinwu ta' Malta lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha hekk kif dawn jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddefendu pajjiżhom skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin saret fi Brussell u ħadet rendikont tal-iżviluppi li saru f'din l-ewwel sena li timmarka l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, u s-sitwazzjoni fl-Afganistan. Il-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin saret fl-istess ġimgħa tad-dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li Malta qed tippresjedi, bit-titlu “Maintenance of International Peace and Security of Ukraine". Id-dibattitu se jsir fl-24 ta' Frar.
Il-Ministru Borg enfasizza l-importanza li jiġu deskritti l-passi li ġejjin previsti fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u fora multilaterali oħra. Hu appella wkoll sabiex jiżdiedu l-isforzi diplomatiċi tal-Unjoni Ewopea ma' pajjiżi terzi li qed jintużaw biex jgħinu lir-Russja tevita s-sanzjonijiet u enfasizza l-ħtieġa li s-sanzjonijiet jiġu implimentati b'mod uniformi fost l-Istati Membri billi jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi eżistenti tas-sanzjonijiet, u b'hekk jagħmluhom aktar effettivi.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg enfasizza l-importanza għal approċċ koordinat u kontinwu min-naħa tal-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni umanitarja tal-poplu Afgan, filwaqt li enfasizza wkoll dwar l-importanza ta' koordinazzjoni internazzjonali sabiex tkompli tiżdied il-pressjoni fuq awtoritajiet de facto. Il-Ministru Borg ikkundanna r-repressjonijiet riċenti kontra n-nisa u l-bniet, li huma xhieda tan-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet li jimplimentaw il-wegħdiet tagħhom.
Billi din is-sena timmarka l-75 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ministri Ewropej adottaw konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem.
Waqt l-ikla, il-ministri Ewropej iltaqgħu mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Moldova Nicu Popescu. Dan l-iskambju kien opportunità sabiex jinstemgħu l-perspettivi tal-Moldova dwar l-effett laterali tal-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
Il-Ministru Borg ipparteċipa wkoll f'laqgħa informali mal-attivist tal-oppożizzjoni Russa Garry Kasparov, ospitata mil-Litwanja u l-Polonja fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin. Il-laqgħa tat opportunità għall-attivist tal-oppożizzjoni Russa biex jinforma lill-Ministri Ewropej dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fir-Russja.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en