Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Rikonoxxuta l-ħidma ta’ Malta fit-tisħiħ tal-ugwaljanza LGBTIQ fis-setturi kollha fir-rapport annwali maħruġ minn ILGA Europe

pr230266
Date Icon 20/02/2023

L-impenn ta’ Malta biex tkompli tavvanza u tintegra l-ugwaljanza LGBTIQ fl-oqsma kollha tal-ħajja ġie rikonoxxut fir-rapport annwali ppubblikat nhar it-Tnejn mill-għaqda Ewropea ILGA-Europe. Dan ir-rapport juri li matul is-sena 2022, Malta kompliet tagħmel passi sinjifikanti biex issaħħaħ id-drittijiet u l-ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ. Il-ħidma li saret u l-miżuri li ġew implimentati jirriflettu l-ħidma konġunta li ssir bejn il-Gvern Malti u  l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili LGBTIQ.

Dan ir-rapport, li jsemmi x-xogħol varju li twettaq minn 54 pajjiż, jagħti ħarsa speċifika lejn il-ħidma li saret f’pajjiżna favur l-ugwaljanza LGBTIQ. Ir-rapport jirreferi għat-taqsima SOGIGESC fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ħadmet fuq bosta kampanji ta’ għarfien filwaqt li sostniet dwar l-importanza tat-taħriġ lil diversi ħaddiema tas-servizz pubbliku. Fosthom ingħata taħriġ lill-edukaturi, lill-impjegati ta’ Identity Malta, lir-rekluti u lill-uffiċjali tal-pulizija. 

Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll il-fatt li Malta neħħiet darba għal dejjem id-diskriminazzjoni kontra rġiel omosesswali fejn jidħol l-għoti tad-demm. L-għan ewlieni wara din il-bidla hu li kull min jixtieq jagħti d-demm mhux se jibqa’ jiġi diskriminat abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, iżda kulħadd se jiġi trattat l-istess.

Ir-rapport jinnota li matul is-sena li għaddiet ġiet organizzata l-ewwel Pride March f’Għawdex. Mument storiku għall-komunità hekk kif dan kien ifisser pass sinjifikanti għall-komunità LGBTIQ f’Għawdex. Għaldaqstant, din il-ħidma se tissaħħaħ hekk kif Malta se tkun qed tospita l-Europride f’Settembru li ġej, avveniment importanti li jiċċelebra d-diversità, l-inklussività u l-ugwaljanza. Il-gvern intensifika t-tħejjijiet għall-avveniment u jantiċipa li se jkun qed jilqa’ eluf ta’ parteċipanti minn madwar l-Ewropa kollha. EUROPRIDE 2023 se tipprovdi pjattaforma biex turi l-impenn ta’ Malta biex tkompli tissiġilla l-kisba ta’ drittijiet ċivili għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg laqgħet din l-aħbar b’sodisfazzjon u qalet li dan ir-rapport huwa prova ċara ta’ kemm pajjiżna qed jaħdem favur soċjetà aktar ġusta u ugwali. Barra minn hekk, qalet li pajjiżna kiseb ħafna f’dawn l-aħħar snin, imma l-fatt jibqa’ li għad fadal ħafna aktar xi jsir biex tiġi żgurata l-ugwaljanza għall-komunità LGBTIQ fil-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tielet strateġija nazzjonali għall-ugwaljanza LGBTIQ,  bl-iskop li tiġi mnedija aktar tard din is-sena. 

“Ir-rapport tal-ILGA Europe juri vjaġġ ta’ kburija nazzjonali li skatta minn gvern Laburista. Nibqgħu impenjati biex indaħħlu aktar riformi favur soċjetà ta’ mħabba fejn ngħożżu lil xulxin, ikunu x’ikunu l-għażliet personali tal-individwu,” qalet is-segretarju parlamentari. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow