STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Investiment favur spazji miftuħa u l-eżerċizzju fiżiku fil-qalba tal-lokalitajiet
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġie inawgurat outdoor gym ġdid fi spazju rikreattiv fil-qalba tal-lokalità ta' Ħal Lija, mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u mis-Sindku ta' Ħal Lija Anthony Dalli. Dan il-proġett kien iffinanzjat minn fondi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema 'Finanzjament ta' Proġetti Kapitali, Aċċessibbiltà u Mobilità'.
Fl-istess spazju, bl-isem ta' Ġnien Ċentru Rikreattiv, hemm ukoll bandli li għadhom kif tlestew fih xogħlijiet fejn twaħħal tagħmir ġdid sabiex it-tfal ikollhom post aktar modern u sigur fejn jilagħbu. Dan l-investiment sar permezz ta' finanzjament mill-iskema 'Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields'.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-gvern kommess li jkompli jinvesti f'aktar spazji ħodor u ta' rikreazzjoni fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. “Permezz ta' proġetti bħal dawn fil-qalba tal-lokalitajiet, il-kunsilli lokali qed jikkumplimentaw u jsostnu l-ħidma tal-gvern favur spazji rikreattivi ħodor".
Is-Sur Anthony Dalli qal li fir-rigward ta' dan il-proġett, l-għan ewlieni tal-kunsill lokali kien li dan iċ-ċentru rikreattiv ikun post li joffri xi ħaġa għar-residenti kollha u ta' kull età. “Permezz ta' dawn il-fondi addizzjonali komplejna niġġeneraw dan l-ispazju u b'hekk ir-residenti għandhom post rikreattiv fir-raħal tagħhom stess".
L-investiment totali fi Ġnien Ċentru Rikreattiv jammonta għal ftit aktar minn €50,000.
Fix-xhur li ġejjin, il-Kunsill Lokali ta' Ħal Lija ser jibda xogħol ta' manutenzjoni fuq funtana li tinsab fl-istess ġnien. Dan ix-xogħol ser isir permezz ta' fondi mill-iskema 'Finanzjament għal xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq funtani fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin'.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll id-direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u diversi membri tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Lija.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en