STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Jibda xogħol ta’ restawr fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajn Dwieli
Waqt żjara fil-lokalità ta' Raħal Ġdid, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jwettaq xogħol ta' restawr fuq iz-zuntier tal-Knisja ta' Sant'Antnin ta' Padova f'Għajn Dwieli.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi faħħar il-ħidma li qed issir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed iwettqu diversi xogħlijiet madwar bosta lokalitajiet li permezz tagħhom qed igawdu minnhom ir-residenti. Huwa qal li proġetti ta' dan it-tip jirriflettu l-impenn ta' dan il-Gvern li jkompli jsebbaħ spazji pubbliċi fil-komunitajiet.
Dan il-proġett, li se jsir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jinvolvi t-tibdil u r-restawr ta' 170 balavostra li kienu jinsabu fi stat perikoluż, kif ukoll se ssir rampa għall-aċċess aħjar għal din il-knisja.
Il-Perit Joseph Zerafa Boffa spjega f'aktar dettal ix-xogħlijiet li se jsiru. Il-balavostri l-ġodda qed jinħadmu bil-konkos bħal dawk oriġinali. Din id-darba ir-rinforz (sinsla) tagħhom mhux ser tkun tal-ħadid biex jiġi evitat li dan jerġa' jissaddad u jerġa' jkun hemm ħsara fil-futur. Minflok, dawn il-vireg ta' rinforz ser jsiru b'materjal apposta magħmul mill-fibre biex iservi ferm aktar u ma jagħmilx ħsara lill-konkos. Ġie spjegat ukoll li ittieħdet il-forma ta' balavostra oriġinali biex dawk li ser ikunu manifatturati jkunu estetikament preċiżi bħal ta' qabel.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en