STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Tissokta l-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija
Matul il-jum tal-Erbgħa ssoktat il-ħidma ta' salvataġġ tal-kontinġent Malti tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'Malatya, it-Turkija. It-32 uffiċjal qed jaħdmu f'waħda mill-iżjed żoni milquta mit-terremot fit-Turkija. Fil-fatt id-diżastru huwa agħar minn dak li kien maħsub qabel dan il-kontinġent ħalla pajjiżna.
Dawn l-uffiċjali, li qed jaħdmu fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum, qed jaħdmu mhux biss f'kundizzjonijiet ta' temp kiesaħ ħafna iżda wkoll qed jesperjenzaw it-theżżiżiet li qed iseħħu wara t-terremot. B'din il-ħidma tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mistennija tibqa' għaddejja matul il-jiem li ġejjin.
Iċ-Chief Assistance Rescue Officer, Kevin Pace, li qed imexxi t-tim Malti fit-Turkija qal li s-sitwazzjoni hi waħda mimlija sfidi, fosthom fejn tidħol komunikazzjoni minħabba l-lingwa u l-elementi tat-temp. Spjega li bħalissa t-tim Malti xogħlu hu li jillokalizza nies li possibbilment huma midruba, u eventwalment dawn jinħarġu minn taħt it-terrapien.
F'telefonata lill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, tenna li huma qed jagħmlu unur lil pajjiżna f'din is-sitwazzjoni iebsa fit-Turkija u fis-Sirja, u qed iwasslu l-qalb kbira tal-Maltin bil-ħidma tagħhom. Il-Ministru Camilleri tenna li issa apparti li qed isalvaw il-ħajjiet f'Malta, qed jagħmlu dan ukoll lil hinn minn xtutna.
Intant, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jfakkar li qed jinġabru ammont ta' provvisti mill-pubbliku Malti sabiex jintbagħtu lill-poplu tat-Turkija u tas-Sirja. Dawn l-għotjiet qed jintlaqgħu kuljum fl-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar f'Ħal Far u fix-Xewkija, Għawdex, bejn id-9am u l-5pm.
Il-pubbliku Malti huwa mħeġġeġ jieħu provvisti tal-ikel, ilbies li jsaħħan, gvieret, tined u materjal ieħor li jkun meħtieġ fiċ-ċirkostanzi preżenti ta' dawn il-pajjiżi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en