STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-makkinarju tal-Mitħna tar-Riħ tal-Għaqba fin-Naxxar
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi żar ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-makkinarju tal-Mitħna tar-Riħ tal-Għaqba fin-Naxxar.
Din il-mitħna, li hija waħda mill-eqdem u l-akbar imtieħen f’Malta, se tkun qed terġa’ tieħu l-ħajja għaliex filwaqt li se terġa’ tibda taħdem kif kienet qabel, se sservi wkoll bħala ċentru kulturali fil-komunità u attrazzjoni turistika.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li x-xogħol ta’ restawr li għaddej fuq dan il-proġett huwa turija ċara tal-impenn tal-Awtorità tal-Ippjanar li tkompli tippromwovi u taħdem favur il-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt u l-patrimonju arkitettoniku Malti.
Dan il-proġett ġie allokat ’il fuq minn €400,000 mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp (DPF) tal-Awtorità tal-Ippjanar, sabiex isir ir-restawr sħiħ tal-makkinarju tal-mitħna u r-rikostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ rdieden ġodda.
Is-Sur Oliver Magro, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, sostna li l-awtorità qed tiffinanzja dan il-proġett kulturali li permezz tiegħu din il-mitħna ser tiġi ssalvagwardjata u kkonservata għall-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa faħħar il-viżjoni tal-kunsill lokali tan-Naxxar li permezz ta’ dan il-proġett il-mitħna se terġa’ tingħata l-ħajja u ma tibqax fi stat ta’ abbandun.
Is-Sindku tan-Naxxar is-Sinjura AnnMarie Muscat Fenech Adami stqarret li permezz ta’ dawn il-fondi setgħu jippreservaw il-mitħna li qed tiġi restawrata għall-istat oriġinali tagħha. Hija sostniet li l-proġett iħares ukoll l-aspett kulturali, fejn parti mill-binja se tiġi trasformata f’ċentru kulturali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en