STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija l-Politika dwar l-Inklużjoni
Waqt konferenza dwar il-Politika u l-Qafas tal-Edukazzjoni Inklussiva f'Malta u l-implimentazzjoni tagħhom, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni nieda l-Politika dwar l-Inklużjoni, li hija bbażata fuq il-konvinzjoni li l-istudenti kollha huma intitolati li jgawdu minn esperjenzi edukattivi sinifikanti li huma produttivi u rilevanti. Politika li tħares lejn edukazzjoni li tkun kapaċi li tilqa' għall-bżonnijiet differenti tal-istudenti kollha.
“F'dawn l-aħħar snin rajna ħafna xogħol siewi jsir fl-edukazzjoni u l-Politika tal-Inklużjoni li għandna. Din il-politika, flimkien mal-Qafas tal-Inklużjoni, qed tagħti gwida prattika lill-iskejjel u lis-servizzi biex ikompli x-xogħol siewi li diġà qiegħed isir fl-iskejjel tagħna," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima waqt li kien qiegħed jindirizza l-konferenza.
Il-politika tfasslet mid-Dipartiment tas-Servizzi Nazzjonali ta' Sapport għall-Iskejjel fi ħdan il-ministeru u nbniet minn dawk li jfasslu l-politika, il-professjonisti, l-edukaturi kif ukoll studenti u ġenituri. Il-viżjoni ġenerali ta' din il-politika hija li jiġi żgurat li l-istudenti kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità u appoġġ biex ikollhom suċċess fit-tagħlim fi ħdan sistema ta' edukazzjoni inklużiva ta' kwalità għolja.
Din il-politika għalhekk hija bbażata fuq għadd ta' prinċipji, fosthom li jkun aktar ċar il-kunċett ta' inklużjoni u għaldaqstant tinkludi kull forma possibbli ta' diversità.
“Prinċipju li nemmen li huwa importanti huwa dak li nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna biex inrawmmu ambjenti skolastiċi li jirrikonoxxu, jiċċelebraw u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet varji tal-istudenti kollha. U b'dan qed nifhmu li rridu nkomplu nagħrfu u nrawwmu l-konvinzjoni fost l-edukaturi kif ukoll il-familji tal-istudenti, li kull student għandu l-kapaċità li jitgħallem u jimxi 'l quddiem permezz ta' strateġiji edukattivi adegwati," qal il-Ministru Clifton Grima.
Ġie spjegat ukoll li l-Politika dwar l-Inklużjoni tinkludi li t-tfal kollha fl-istess klassijiet, fl-istess skejjel ikollhom opportunitajiet ta' tagħlim, b'inklużjoni li tfisser mhux biss studenti li għandhom bżonn aktar attenzjoni, imma wkoll studenti li ġejjin minn familji barranin li qed jgħixu fostna. Id-dokument jitkellem ukoll dwar kif għandha titrawwem kultura kollaborattiva fost l-edukaturi, l-istudenti kollha, il-ġenituri u dawk kollha li huma parti mis-sistema edukattiva – il-komunità kollha li fuqha hija mibnija s-sistema edukattiva – li tiffoka fuq il-ħiliet, tippromwovi prattiċi stabbiliti u li huma suċċess, u tinkoraġġixxi l-inizjattivi fuq bażi individwali.
Il-konferenza tat ħarsa wkoll kif il-politiki dwar l-Immaniġġjar tal-Imġiba u l-Indirizzar tal-Bullying, l-Attendenza, l-Istudenti Transġeneru, ta' Ġeneru Varjanti, u Intersesswali u l-Istil ta' Ħajja Tajjeb għas-Saħħa ġew inkorporati kollha taħt il-Politika tal-Edukazzjoni Inklussiva. B'hekk dawn id-dokumenti kollha se jiġu implementati flimkien.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944