STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA: Inawgurata librerija ġdida fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard inawgura l-ftuħ tal-ewwel librerija fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Din il-librerija hija mgħammra b'numru ta' kotba, litteratura, volumi ta' liġijiet u online-journals.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq kif din il-librerija hija parti minn sensiela ta' investiment li l-gvern qed jagħmel fil-ġustizzja, inkluż fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Huwa fakkar kif ftit ta' xhur ilu ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' dawk li jipprestaw servizz f'dan l-uffiċċju, u fix-xhur li ġejjien se jkomplu jiġu ppreżentati numru ta' inizjattivi. Il-Ministru Attard tenna li permezz ta' dan l-investiment se nassiguraw li ntejbu l-esperjenza tal-ħaddiema fi ħdan dawn l-uffiċini u nsaħħu dan l-uffiċċju bl-aqwa talent.
L-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttiġieġ spjegat kif din il-librerija se sservi ta' spazju għal riċerka, taħriġ speċjalizzat u bħala post fejn l-avukati fi ħdan l-uffiċċju jistgħu jirriċerkaw u jippreparaw bl-aħjar mod possibbli għal qadi ta' dmirijiethom. Hija spjegat kif l-investiment fl-uffiċjali tal-Avukat Ġenerali huwa ċentrali fl-istrateġija li ġiet adottata għal dan l-uffiċċju.
Preżenti għall-ftuħ tal-librerija kien hemm l-avukati, il-prokuraturi legali u l-ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en