STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI S’issa bbenefikaw 2,240 student u studenta mill-programm Prince’s Trust International (PTI) Achieve
Waqt żjara fil-Kulleġġ Maria Reġina, Skola Medja u l-Girls’ Learning Support Centre fin-Naxxar, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima nieda l-Programm tal-Prince’s Trust International (PTI) Achieve, fl-iskejjel medji.
Il-Programm PTI Achieve huwa mfassal biex jagħti l-għarfien kollu meħtieġ biex l-istudenti jkollhom transizzjoni bla xkiel mill-bank tal-iskola għal studju avvanzat jew għall-bank tax-xogħol. Minn kemm ilu mwaqqaf mill-PTI Achieve ibbenefikaw 2,240 student u studenta.
“Dan il-programm ipoġġi prijorità assoluta fuq l-istudent, bil-għan li jtejjeb l-iżvilupp personali u l-ħiliet ta’ impjegabbiltà għall-istudenti Maltin. Huwa programm li jenfasizza l-karrieri u l-preparazzjoni għax-xogħol b’opportunitajiet li jressqu l-istudent qrib ta’ dawk li jħaddmu. Ninsab kburi bit-tim li jmexxi dan il-programm u l-istudenti li jipparteċipaw fih, għaliex mill-pajjiżi kollha parteċipanti, pajjiżna huwa fuq quddiem nett fil-kisbiet li wettaq permezz tal-PTI”, qal il-Ministru Grima.
Il-programm beda bħala proġett pilota f’7 skejjel tal-Istat u llum-il ġurnata huwa mifrux f’56 skola u ċentru u s’issa bbenefikaw minnu 2,240 student u studenta.
PTI Achieve jipprovdi liż-żgħażagħ bl-ispazju u l-attenzjoni li jeħtieġu biex jitgħallmu l-ħiliet, jiżviluppaw il-kunfidenza, jaħdmu fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom u jtejbu l-attitudni lejn it-tagħlim u jaħdmu wkoll fuq l-iżvilupp tagħhom. L-istudenti jitrawmu biex jieħdu deċiżjonijiet u jiżviluppaw ħiliet ta' tmexxija u jippreparaw lilhom infushom għall-progressjoni fi programmi ta' edukazzjoni ulterjuri jew fid-dinja tax-xogħol.
“Dan kollu huwa dak li rridu mill-edukazzjoni tagħna, li jkollna edukazzjoni sħiħa li tagħti opportunitajiet lil kullħadd fuq livell ta’ individwu. Aħna nemmnu li kull individwu għandu l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tiegħu u dan il-programm huwa mfassal propju biex jagħti l-attenzjoni lil dawn il-ħtiġijiet”, qal il-Ministru Clifton Grima.
Maureen Amoroso, uffiċjal edukattiv li tikkoordina dan il-programm qalet li “Dan il-programm jikkumplimenta s-suġġetti kollha fir-rotta vokazzjonali u applikata u jinkludi numru ta’ attivitajiet differenti, fosthom diskussjonijiet, ħidma f’tim, attivitajiet prattiċi kif ukoll attivitajiet barra l-klassi”.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944