STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U L-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar jirreferu għall-istqarrija maħruġa milll-Oppożizzjoni dwar l-emenda li qed tiġi diskussa fil-Parlament dwar l-inkjesti Maġisterjali dwar inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol. L-istqarrija tal-Oppożizzjoni tinjora għal kollox il-fatt li f'evalwazzjoni dwar il-funzjoni tal-OHSA f'Malta, is-Senior Labour Inspectors Committee tal-Kummissjoni Ewropea qajmu tħassib dwar il-fatt li f'Malta, inkjesti Maġisterjali jsiru indipendentament mill-investigazzjonijiet li jsiru mill-OHSA.
Din il-preokkupazzjoni tqajjmet għax l-Ispetturi stqarrew li jkun jeżisti riskju li l-investigazzjoni tal-OHSA u l-inkjesta Maġisterjali jaslu għal konklużjonijiet kunflinġenti. Din hi waħda mill-għanijiet li qed titressaq din l-emenda għall-Kodiċi Kriminali biex filwaqt li ma tistax tiġi eliminata kompletament il-possibilità ta' fehmiet kunflinġenti, ikun assigurat illi l-konklużjoni tal-Inkjesta Maġisterjali tkun ittieħdet wara li ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-analiżi tal-OHSA.
Kuntrarju għal dak allegat mill-Oppożizzjoni, dan bl-ebda mod ma jfisser indħil mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-inkjesti li Maġistrati jkunu qed jagħmlu meta jseħħu inċidenti gravi f'postijiet tax-xogħol. Fil-fatt, l-emenda proposta mhija se tbiddel xejn mill-mod ta' kif jinbdew u jitmexxew l-inkjesti Maġisterjali u bl-ebda mod ma hija se tnaqqas l-Awtorità u l-kontroll tal-Maġistrat Inkwirenti fuq l-inkjesta.
L-iskop tal-emenda proposta huwa li r-riżorsi u l-esperjenza tal-Awtorità jkunu disponibbli għall-Maġistrati inkwirenti u jkun iggarantit li l-inkjesta jkollha wkoll l-għajnuna ta' natura teknika tal-OHSA preżenti waqt l-aċċess. Se jkun assigurat li l-OHSA, bħala l-Awtorità li għandha l-kompetenza kemm teknika kif ukoll legali speċjalizzat fil-qasam, tinstema'. Ir-rapport u d-deċiżjoni finali hija u se tibqa', bla riżervi, tal-Maġistrat. Fil-Parlament waqt l-istadju ta' Kumitat, il-Gvern lest ikompli jiddiskuti biex itejjeb dak propost.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944