Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Żewġ fieri edukattivi biex jgħinu lill-istudenti fl-għażla tal-karriera tagħhom

pr230145
Date Icon 30/01/2023

Mil-lum sat-3 ta’ Frar l-istudenti kollha li jridu jagħmlu għażliet infurmati għall-futur tagħhom qed jingħataw l-għajnuna kollha possibbli permezz ta’ żewġ fieri speċjalizzati li fetħu l-bibien tagħhom illum u jibqgħu għaddejjin sa nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar. Iż-żewġ fieri huma ‘I Choose’ u ‘My Journey – Il-Vjaġġ Tiegħi, Nasal minn Toroq differenti’ li qed isiru fl-MFCC, f’Ta’ Qali.

“F’mument delikat fil-ħajja tal-istudent, meta jkun qed iħares ’il quddiem għall-futur tiegħu, dan jeħtieġ kull għajnuna li nistgħu nagħtuh biex jagħmel għażliet infurmati u huwa għalhekk li norganizzaw dawn il-fieri edukattivi speċjalizzati, biex nagħtu l-assistenza kollha possibbli lill-istudenti f’din il-fażi tant importanti għal ħajjithom”, irrimarka l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu attenda għall-ftuħ tal-fieri.

Apparti l-gwida li jingħataw fl-iskejjel, il-fieri huma opportunità oħra biex l-istudenti jesploraw aktar għażliet ta’ karrieri u opportunità eċċellenti biex l-istudenti jiksbu għarfien adegwat dwar korsijiet differenti li jistgħu jsegwu wara l-edukazzjoni obbligatorja.  

Il-fieri huma mifruxa fuq 5 tijiem: ‘I Choose’ tibda mil-lum 30 ta’ Jannar sal-31 ta’ Jannar, filwaqt il-‘My Journey: Il-Vjaġġ tiegħi – Nasal minn Toroq differenti’ se tittella’ bejn l-1 u t-3 ta’ Frar.

‘I Choose’ hija mmirata għall-istudenti tal-11-il sena u hija karatterizzata minn esebituri mid-dinja tax-xogħol u istituzzjonijiet post-sekondarji. L-istudenti jkollhom l-opportunità jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ dawn ir-rappreżentanti u jesploraw il-korsijiet li jistgħu jsegwu wara li jispiċċaw l-iskola obbligatorja kif ukoll jiġu infurmati dwar l-opportunitajiet ta’ karrieri li joffru numru ta’ setturi ta’ xogħol.  

Fost l-esebituri li qed jipparteċipaw hemm entitajiet nazzjonali relatati mal-oqsma tal-finanzi, xjenza, saħħa, ICT, arti u kultura, turiżmu u ospitalità, inġinerija, kostruzzjoni u l-forzi dixxiplinati, flimkien mal-iskejjel post-sekondarji, Jobsplus u entitajiet oħra li joffru programmi ta’ taħriġ tul il-ħajja.

Il-fiera ‘My Journey: Il-Vjaġġ Tiegħi’ hija mmirata għall-istudenti tat-8 sena li se jagħmlu l-għażla tas-suġġetti li se jistudjaw għall-kumplament tal-iskola obbligatorja. F’din il-fiera se jkun hemm esebiti s-suġġetti kollha akkademiċi, vokazzjonali u applikati li l-istudenti jistgħu jagħżlu. Ir-rappreżentanti mid-dinja tax-xogħol se jibqgħu preżenti matul il-ħamest ijiem u għalhekk l-istudenti jkollhom l-opportunità jaraw ir-relevanza tas-suġġetti li se jagħżlu mad-dinja tax-xogħol. 

Matul il-ħamest ijiem l-istudenti jkunu ggwidati minn professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-gwida għall-karrieri.

Il-Ministru Grima temm jgħid li fieri bħal dawn jirriflettu l-impenn tal-Gvern biex iqarreb id-dinja tax-xogħol lejn l-istudenti minn età żgħira biex jibda jiggwidahom għall-futur tagħhom b’mod infurmat. Huwa rringrazzja lill-edukaturi u lill-esebituri u awgura li din l-inizjattiva tħalli l-frott mixtieq.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Żewġ fieri edukattivi biex jgħinu lill-istudenti fl-għażla tal-karriera tagħhom
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Żewġ fieri edukattivi biex jgħinu lill-istudenti fl-għażla tal-karriera tagħhom
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Żewġ fieri edukattivi biex jgħinu lill-istudenti fl-għażla tal-karriera tagħhom
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow