STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANI U L-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Iffirmat ftehim għal Smart Home Technology sabiex jiffaċilita l-ħajja għall-anzjani
Ġie ffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tal-Informazzjoni Teknoloġika (FITA). Il-ftehim ġie ffirmat mill-kapijiet eżekuttivi tal-entitajiet governattivi fil-preżenza tal-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti. Dan il-ftehim għandu l-għan li jtejjeb u jiffaċilita l-ħajja tal-anzjani Maltin u Għawdxin.
Permezz ta' dan il-ftehim, l-anzjani se jkunu jistgħu jippruvaw diversi mezzi teknoloġiċi disponibbli fis-suq, Smart Home Technology, bit-taħriġ u l-għajnuna professjonali meħtieġa. Din it-tip ta' teknoloġija avvanzata li diġà ħalliet impatt pożittiv f'diversi pajjiżi oħra Ewropej, toffri opportunitajiet lill-anzjani, b'mod partikolari dawk li jbatu minn xi tip ta' kundizzjoni, sabiex ikollhom saħħa u ħajja aħjar, filwaqt li jippermettilhom jibqgħu jgħixu b'mod indipendenti fi djarhom fil-komunità.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal, “Huwa importanti li anke naħsbu għall-persuni vulnerabbli u anzjani biex dawn ikunu jistgħu jgħixu b'mod indipendenti fi djarhom ġaladarba jkunu jixtiequ hekk." Il-ministru tenna l-impenn tal-gvern li jagħti l-għajnuna meħtieġa lil kulħadd sabiex ħadd ma jkun eskluż mis-soċjetà Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza tal-entitajiet governattivi biex jaqdu l-valuri soċjali li dan il-gvern iħaddan. Huwa sostna li l-gvern kommess li jkompli l-ħidma tiegħu fir-rigward ta' nies vulnerabbli u b'diżabilità sabiex jagħtihom id-dinjità mistħoqqa, bil-għan li huma wkoll ikunu membri attivi fil-komunità.
Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-FITA, is-Sur Carlo Stivala, li qal, “Il-FITA ilha tippromwovi programmi ta' taħriġ fit-teknoloġija għal persuni vulnerabbli jew b'diżabilità f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Dan il-ftehim se jressaq fil-qrib id-dinja teknoloġika u l-anzjani sabiex nippromwovu l-anzjanità attiva billi jkollhom għajnuna fl-attivitajiet li jagħmlu fil-ħajja ta' kuljum." Qal li l-pass li jmiss huwa li jinstab post adattat fejn diversi negozji jistgħu jesponu l-apparat teknoloġiku tagħhom sabiex l-anzjani jaraw eżempju ċar kif dan it-tagħmir jista' jiffaċilitalhom ħajjithom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-AACC, Dr Renzo De Gabriele, sostna li, “Irridu nkomplu nindirizzaw l-isfida tal-illitteriżmu diġitali fost l-anzjani sabiex inkomplu ngħinu lill-anzjani jibqgħu attivi f'kull sfera tas-soċjetà. Permezz tal-konnessjonijiet tad-dinja virtwali, l-anzjani qegħdin jiġu megħjuna wkoll ma jħossuhomx waħedhom u iżolati." Dan il-ftehim se jwassal lill-anzjani biex jesperjenzaw l-avvanzi fit-teknoloġija li huma relevanti għal ħajjithom u li jistgħu jintużaw ta' kuljum sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu f'darhom, għalaq Dr De Gabriele.
Il-proġett ta' Smart Home Technology se jitnieda fix-xhur li ġejjin sabiex l-anzjani jkollhom iċ-ċans jesperimentaw il-mezzi teknoloġiċi mingħajr ħlas, bil-għan li jibqgħu jgħixu indipendenti fil-komunità.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944