STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Il-Qrati tal-Ġustizzja bl-akbar ammont ta’ ġudikaturi fl-istorja ta’ pajjiżna
Il-Ġudikatura ta' Malta tkompli tissaħħaħ bil-ħatra ta' erba' maġistrati ġodda, li jfisser żewġ maġistrati addizzjonali. Din il-ħatra seħħet wara li lura fil-ftuħ ta' sena forensi, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ħabbar li se jkun hemm sejħa pubblika għal żewġ imħallfin u żewġ maġistrati ġodda.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq kif bil-fatti, bħala Gvern kommessi li jkomplu jagħtu r-riżorsi kollha meħtieġa biex jaraw li l-ġustizzja ssir, tidher li qed issir u ssir fi żmien raġonevoli. B'din iż-żieda pajjiżna se jkollu l-akbar ammont ta' ġudikatura magħmula minn Prim Imħallef, 26 Imħallef u 25 Maġistrat, dan ifisser żieda ta' 27% mis-sena 2012. Din iż-żieda għandha ssarraf f'titjieb tal-effiċjenza tal-qrati, hekk kif mkejjel kemm mill-Clearance Rate tal-qrati tal-maġistrati kif ukoll f'nuqqas fiż-żmien li kawża iddum biex tiġi deċiża.
Dan l-investiment qed isir ukoll fir-riżorsi umani, fejn fl-aħħar xhur ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Aġenzija għas-servizzi tal-Qorti, biex jassiguraw kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar u jattiraw aktar nies. Dan diġà qed iħalli l-frott hekk kif mis-sena 2019 sal-lum żdiedu l-ħaddiema fi ħdan l-aġenzija b'9%. Qed isir ukoll investiment infrastrutturali, b'ftuħ uffiċjali ta' uffiċini ġodda għall-ġudikanti u l-ħaddiema tagħhom, kif ukoll xogħol fuq awli ġodda.
Il-Gvern qed jinvesti ukoll fl-istituzzjonijiet l-oħra li jiffurmaw parti integrali mill-proċess ġudizzjarju, b'mod partikolari l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat. Fiż-żmien qrib, il-Gvern ser ikun qed iħabbar iktar proġetti u investimenti li bihom ser ikun qed ikompli jassigura li pajjiżna jkollu l-aħjar talent u għoddod disponibbli fil-Qrati tagħna. Dan kollu f'qafas ta' riformi proċedurali u leġislattivi mmirati sabiex isaħħah l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja jirringrazzja lis-26 Avukat li kellhom interess fis-sejħa maħruġa u jawgura lill-Dott. Azzopardi Kevan, Dott. Camilleri Busuttil Gianella, Dott. Critien Abigail, u Dott. Gatt Joseph għall-ħatra tagħhom fil-bank tal-ġudikatura.
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945