STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Għal sena oħra se jittella’ l-Gozo Arts Weekend – din id-darba se jkunu esibiti x-xogħlijiet tal-artist magħruf Ġużeppi Briffa
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra se jittella’ l-Gozo Arts Weekend. Matul dawn il-ġranet il-pitturi tal-artist magħruf Ġużeppi Briffa (1901 – 1987) li jinsabu fi knejjes u fi stabbilimenti pubbliċi f’Ta’ Kerċem, l-Għarb, f’Għajnsielem, u fir-Rabat se jingħataw l-importanza li jixirqilhom għaliex se jkunu temporanjament għall-wiri. Din l-inizjattiva, li daħlet fit-tieni sena tagħha, se tqarreb iżjed lill-pubbliku ma’ dan l-artist, li twieled fil-bidu tas-seklu 20.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li dawn ix-xogħlijiet jitqiesu ġawhriet kemm mil-lat artistiku kif ukoll dak reliġjuż. Huwa qal li, għal darb’oħra, il-Ministeru għal Għawdex qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għal dan l-avveniment fil-postijiet imsemmija fejn, apparti li se jkollu esperjenza mill-qrib ta’ dawn l-opri, se jkun hemm gwida preżenti sabiex tagħti informazzjoni fil-fond fuq l-artist kif ukoll fuq ix-xogħlijiet tiegħu.
Minbarra dan se tkun enfasizzata l-importanza li aħna għandna nagħtu lill-istorja speċjalment fejn jidħlu l-arti u l-ħsieb warajha. It-talent muri huwa wieħed li jpaxxi l-għajn u jġiegħlek tirrifletti fuq l-emozzjonijiet li jkun esperjenza l-artist.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri esprima li huwa ta’ sodisfazzjon li dan l-artist se jkun qed jingħatalu r-rikonoxximent li jistħoqqlu. Huwa temm jgħid li bil-mira li nsaħħu l-livell kulturali ta’ gżiritna, se nkomplu naħdmu bil-għan li jkollna aktar attivitajiet simili li filwaqt li jkunu ta’ interess iservu wkoll ta’ tagħlim.
Dan l-avveniment, mifrux fuq tlett ijiem, mis-27 sad-29 ta’ Jannar, qed jittella’ mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – sezzjoni Għajnsielem bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://issuu.com/visitgozo/docs/gozo_arts_weekend_programme.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en