Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: Imġedded ftehim għal servizz ta’ ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani

pr230096
Date Icon 20/01/2023

Iġġedded il-ftehim ma’ numru ta’ kunsilli lokali sabiex jibqa’ jingħata s-servizz ta’ ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjanità attiva. L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li dan il-ftehim favur l-anzjani ġġedded bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità flimkien mal-kunsilli lokali tal-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, l-Imsida, is-Siġġiewi u Ħal Safi.

Ġie spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim se tkun qed tiġġedded il-kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali msemmija sabiex jibqa’ jingħata servizz ta’ kwalità lill-anzjani. L-għan ta’ dawn iċ-ċentri huwa li joffru spazju lill-anzjani fejn jiltaqgħu u jissoċjalizzaw filwaqt li jibqgħu attivi permezz tas-sessjonijiet varji li jsiru. Il-Ministru Abela tenna li kommessi li jkomplu ħidmiethom sabiex joffru lill-anzjani servizz viċin tagħhom, saħansitra fil-kunsill lokali ta’ fejn jgħixu.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li, “Huwa obbligu tagħna li lill-anzjani noffrulhom opportunitajiet u kundizzjonijiet tajba fil-komunitajiet fejn jgħixu sabiex iħossuhom parti mis-soċjetà”. Hija saħqet li kommessi li jkomplu jikkollaboraw għal aktar inizjattivi favur l-inklużjoni tal-anzjani fis-soċjetà u l-promozzjoni tal-anzjanità attiva fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Intant, tħabbar ukoll li wara nuqqas ta’ madwar sentejn minħabba l-pandemija, iċ-ċentru għall-anzjanità attiva ta’ Raħal Ġdid reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-anzjani tal-komunità. Fil-fatt, b’ħidma konġunta bejn il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid u l-Anzjanità Attiva, dan iċ-ċentru qed joffri programm varjat biex iħeġġeġ lill-anzjani jibqgħu jitgħallmu u jibqa’ jkollhom sehem attiv fis-soċjetà.

Ġie spjegat ukoll li uħud mis-servizzi li qed jiġu offruti f’dawn iċ-ċentri jinkludu eżerċizzju, line dancing, taħditiet dwar suġġetti li jolqtu lill-anzjani u li jvarjaw minn saħħa, kultura, liġijiet u servizzi fost oħrajn. B’hekk, l-anzjani li jiffrekwentaw dawn it-tipi ta’ ċentri jeżerċitaw l-abbiltajiet tagħhom f’oqsma differenti kif ukoll jibqgħu attivi soċjalment, fiżikament u mentalment. L-anzjani jiġu mħeġġa wkoll jaqsmu l-esperjenzi u t-talenti tagħhom mal-membri l-oħra billi huma stess joffru sessjonijiet ta’ kull tip lill-anzjani sħabhom fiċ-ċentri fejn jattendu.

Għal aktar informazzjoni, kemm dwar l-attivitajiet kif ukoll dwar sħubija fiċ-ċentri, wieħed jista’ jagħmel kuntatt maċ-ċentri għall-anzjanità attiva rispettivi jew jikkuntattja liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900 jew iżuru fl-indirizz 3, Triq Żekka, il-Belt jew iżur is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: Imġedded ftehim għal servizz ta’ ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: Imġedded ftehim għal servizz ta’ ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: Imġedded ftehim għal servizz ta’ ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

Aktar Stqarrijiet Right arrow