STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-programm ta’ #inħobbok Valentine’s in Gozo
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-programm Valentine's in Gozo għal din is-sena. Il-festa ta' Jum San Valentinu hi attività oħra li tagħmel parti mill-kalendarju kulturali vast li joffri Għawdex.
Il-Ministru Camilleri qal li l-kalendarju joffri tiżwiqa ta' produzzjonijiet, minn wirjiet sa kunċerti, minn festivals tematiċi sa produzzjonijiet teatrali. Huwa spjega kif “permezz ta' dawn l-attivitajiet inkomplu nassiguraw li Għawdex ikun destinazzjoni matul is-sena kollha filwaqt li nkomplu nsaħħu l-aspett kulturali għani li toffri gżiritna".
Fil-fatt, il-kalendarju joffri xi ħaġa għal kulħadd u għal kull età u huwa mfassal b'reqqa mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li jesponi t-talenti u l-ħiliet tal-artisti u tal-esibituri Għawdxin, flimkien ma' oħrajn mistiedna.
Min-naħa tiegħu d-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb stqarr li matul dawn il-jiem li fihom niċċelebraw l-imħabba, ser jitwassal programm interessanti ta' attivitajiet li saru sinonimi ma' dawn il-jiem kif ukoll oħrajn innovattivi, fosthom kunċert li se jsir fi Pjazza Indipendenza, fil-qalba tal-Belt Victoria.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lil kulħadd iżur Għawdex mhux biss f'dawn il-jiem fejn niċċelebraw l-imħabba, iżda wkoll għal diversi attivitajiet li hemm preparati matul is-sena kollha.
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet wieħed jista' jżur: https://issuu.com/visitgozo/docs/st_valentine_s_gozo_2023
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en