STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Inawgurata l-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fil-Ghana
Nhar it-Tlieta 17 ta' Jannar 2023, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg inawgura b'mod uffiċjali l-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Accra, il-Ghana.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-Kummissjoni Għolja, bil-parteċipazzjoni tad-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ghana u l-ambaxxaturi ta' pajjiżi oħra fil-Ghana, il-Ministru Ian Borg qal li din hija turija ċara tal-impenn u tar-rieda ta' pajjiżna li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali tiegħu ma' dan il-pajjiż tant importanti fil-kontinent Afrikan. Dr Ian Borg qal li din hija l-ewwel rappreżentanza diplomatika Maltija fl-Afrika sub-Saħarjana u kompla jgħid kif il-preżenza diplomatika ilha mill-2019.
Fid-diskors tal-okkażjoni, Dr Borg kompla jgħid li dan il-pass imur id f'id mal-istrateġija Malta-Afrika 2020-2025 tal-politika għall-Affarijiet Barranin, hekk kif b'hekk se jkun qed tkompli tissaħħaħ is-sħubija bejn iż-żewġ kontinenti. Huwa sostna kif dan il-pass se jkun qed iservi bħala katalist għal aktar tkabbir u żvilupp f'din is-sħubija strateġika.
Il-ministru rringrazzja lill-Kummissarju Għoli Jean Claude Galea Mallia, lid-Deputat tiegħu u lill-bqija tal-istaff tax-xogħol importanti li għamlu sabiex dan il-pass isir realtà, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-Kummissarju Għoli tal-Ghana f'pajjiżna tax-xogħol importanti li qed tagħmel biex tkompli tqarreb liż-żewġ pajjiżi.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ghana Kwaku Ampratwum-Sarpong qal li huwa ta' unur li Malta bħala pajjiż fil-Mediterran u fil-qalba tal-Unjoni Ewropea qiegħed jiftaħ din il-Kummissjoni Għolja f'dan il-pajjiż. Huwa kompla jgħid li jħares 'il quddiem sabiex permezz tal-Kummissjoni Għolja tkompli titkattar il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Other Press Releases:
PR261946
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...
PR261945