STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Mogħtija €300,000 fi skemi ta’ finanzjament lill-għaqdiet volontarji minn Aġenzija Żgħażagħ
Aġenzija Żgħażagħ għal darb'oħra qasmet diversi fondi permezz ta' skemi lill-għaqdiet taż-żgħażagħ jew l-għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ. L-iskemi A4U u BeActive qed jaraw tkabbir kemm fil-fondi mgħotija li din is-sena laħħqu t-€300,000, kif ukoll fil-parteċipazzjoni mill-għaqdiet volontarji b'diversi proġetti li jsiru fil-komunità.
B'kollox din is-sena ntlaqgħu 116-il proposta, 71 applikazzjoni għall-iskema A4U, u 45 applikazzjoni għall-iskema BeActive, li minnhom ġew magħżula 94 għaqda volontarja differenti.
L-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn l-iskemi ġew mistiedna għal avveniment li fih ingħataw il-finanzjament sabiex jimplimentaw il-proġetti tagħhom. L-għotja saret mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ is-Sinjura Miriam Theuma.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza ta' skemi simili immirati b'mod partikolari għaż-żgħażagħ. “Huwa importanti li nagħmlu ħilitna sabiex iż-żgħażagħ tagħna jitrawwmu dejjem aktar f'vokazzjonijiet ta' dan it-tip li l-profitt tagħhom mhuwiex wieħed monetarju iżda ta' sodisfazzjon personali. Permezz ta' Aġenzija Żgħażagħ, qegħdin nagħtu din l-għajnuna sabiex dawn il-voluntiera li jagħtu ħinhom fil-komunità' ikollhom aktar riżorsi biex jaħdmu," sostna Keith Azzopardi Tanti.
Is-segretarju parlamentari, filwaqt li feraħ lill-għaqdiet kollha li bbenefikaw minn dawn l-iskemi, ħeġġeġ sabiex aktar għaqdiet volontarji taż-żgħażagħ jew li jaħdmu maż-żgħażagħ jinteressaw ruħhom f'dawn l-inizjattivi sabiex ikomplu jkattru l-ġid u l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv Miriam Theuma saħqet dwar l-impenn ta' Aġenzija Żgħażagħ li tkompli toffri skemi simili u kemm huwa importanti li aktar għaqdiet taż-żgħażagħ jew li jaħdmu maż-żgħażagħ ifittxu li jibbenefikaw minnhom. Hija sostniet li “Permezz tal-iskemi A4U u BeActive, fost oħrajn, Aġenzija Żgħażagħ irnexxielha toħloq sistema ta' katina bejn diversi għaqdiet biex b'hekk ikun hemm aktar kollaborazzjoni, mhux biss mal-Aġenzija nnifisha, iżda anki bejniethom biex b'hekk jitgħallmu u jikbru flimkien, jagħtu sapport lil xulxin, u joħolqu proġetti ikbar u aktar ambizzjużi."
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946