Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Matul l-2022, aktar minn €50 miljun iġġenerati minn programmi tal-Aġenzija Residenza Malta

pr230041
Date Icon 12/01/2023

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ħabbar li matul is-sena li għaddiet, il-programmi mħaddma mill-Aġenzija Residenza Malta ħallew iżjed minn €50 miljun fl-ekonomija Maltija.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li fost il-bosta inizjattivi li qed jieħu l-gvern għal iżjed tkabbir ekonomiku, il-programmi li toffri l-Aġenzija Residenza Malta huma importanti, attraenti u relevanti għas-suq globali. Huwa żied jgħid li dan kollu jgħin fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżna.

L-iskemi ewlenin imħaddma mill-Aġenzija Residenza Malta huma l-Malta Permanent Residence Programme (MPRP) u n-Nomad Residence Permit.

Il-programm ta' residenza b'investiment, l-MPRP, reġa' laħaq il-livell ta' applikazzjonijiet ta' qabel il-pandemija. Fl-2022 daħlu 780 applikazzjoni, b'total ta' 3,580 applikazzjoni sa mill-bidu tal-programm fl-2016.

Matul is-sena li għaddiet biss, dan il-programm iġġenera €33.4 miljun. Dawn huma mqassma f'€10 miljun fil-fond konsolidat, €6.4 miljun fil-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NSDF), €12.5 miljun f'xiri ta' propjetajiet u €4.5 miljun f'kirjiet.

B'hekk, sa mill-2016, l-MPRP se jkun iġġenera €51 miljun fil-fond konsolidat u fl-NDSF. 

Fl-2022, l-aġenzija rat ukoll żieda fil-popolarità tan-Nomad Residence Permit, fejn tressqu 500 applikazzjoni għal total ta' 668 applikazzjoni minn meta f'Ġunju tal-2021 kien ġie varat il-programm. Ir-remote workers li qed jiġu f'pajjiżna jirriżulta li qed jieħdu salarju medju ta' €84,000 fis-sena, u li minnhom jonfqu medja ta' €2,800 fix-xahar. Dan ifisser li f'sena, 500 remote worker qed iħallu impatt ta' madwar €16.8 miljun fl-ekonomija lokali.

B'kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise, f'Ottubru tas-sena li għaddiet l-aġenzija nediet ukoll programm ġdid, il-Malta Startup Residence Programme. L-għan ta' dan il-programm hu li tintlaħaq niċċa ta' applikazzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti fl-ekonomija bit-tnedija ta' startups innovattivi. L-ekosistema għall-istartups diġà teżisti u li se jagħmel dan il-programm hu li jiffaċilita l-permess ta' residenza għall-founders, għall-co-founders u għal dawk li jissejħu core employees li ġejjin minn pajjiżi terzi.

Fl-intervent tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Residenza Malta Charles Mizzi tkellem dwar kif kull applikazzjoni għall-programmi tal-aġenzija tgħaddi minn proċess rigoruż ta' due diligence u li l-investiment f'dan ir-rigward hu sostanzjali sabiex ikun żgurat li kull min jistħoqqlu biss jingħata permess permanenti jew temporanju.

Il-Ministru Byron Camilleri temm jgħid li, “Il-gvern se jkompli jsostni dawn ir-riżultati b'mod sostenibbli, filwaqt li jiżgura l-kwalità fuq il-kwantità, bi skrutinju rigoruż u servizz ta' eċċellenza. L-għan tal-gvern hu li joħloq kuntest li minnu jibqa' jkollna iżjed tkabbir ekonomiku li minnu dejjem insaħħu l-qafas soċjali ta' pajjiżna."

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Matul l-2022, aktar minn €50 miljun iġġenerati minn programmi tal-Aġenzija Residenza Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Matul l-2022, aktar minn €50 miljun iġġenerati minn programmi tal-Aġenzija Residenza Malta
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow