STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Inawgurat proġett ta’ tisbiħ fi spazju rikreattiv f’Għawdex
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra Christian Joseph Zammit inawguraw proġett ta' tisbiħ f'playing field fil-lokalità Għawdxija tax-Xagħra, li tinsab f'Vjal it-Tmienja ta' Settembru.
B'finanzjament mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema 'Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f'Malta u Għawdex', il-proġett tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra sar b'investiment ta' €40,000.
Il-fond totali għal din l-iskema kien jammonta għal madwar €668,000 u b'kollox ibbenefikaw minn din l-iskema 27 kunsill lokali madwar Malta u Għawdex. “Dan ifisser li 27 lokalità u r-residenti rispettivi ta' dawn il-lokalitajiet se jgawdu minn titjib fi playing fields eżistenti jew minn żvilupp ta' playing fields ġodda," spjegat is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal li dan il-gvern kommess li jkompli jżid aktar spazji miftuħa għall-familji tagħna fosthom anki permezz ta' proġetti ta' tisbiħ ta' spazji rikreattivi bħal dan li ġie inawgurat fix-Xagħra. Huwa stqarr li, “Huwa ta' sodisfazzjon li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed tinvesti wkoll fil-gżira Għawdxija sabiex il-kunsilli jkomplu jtejbu l-irħula tagħhom li jitgawdew kemm mill-Għawdxin kif ukoll minn dawk kollha li jżuruna." Huwa temm jgħid li jħares 'il quddiem għal aktar ħidma konġunta u inizjattivi bħal dawn f'Għawdex.
Dan il-proġett kien jinkludi t-tibdil tat-tagħmir tal-logħob tal-bandli flimkien ma' safety flooringġdid biex ikun konformi mal-istandardstas-saħħa u s-sigurtà ta' dawk li jużawh. Sal-aħħar ta' dan ix-xahar se jkunu installati wkoll numru ta' bins ġodda sabiex dan il-bandli ikun attrezzat bl-aqwa mod possibbli.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli temmet tgħid, “Hekk kif ħabbart is-sena li għaddiet, il-Gvern Lokali kommess li matul din is-sena se jkompli jiffinanzja skemi favur aktar spazji miftuħa u ambjent aħjar fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, għaliex il-kwalità tal-ħajja hija fil-qofol tal-ħidma ta' dan il-gvern".
Is-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit sostna li permezz ta' fondi mogħtija mill-Gvern setgħu jkomplu jsebbħu l-lokalità tax-Xagħra, Għawdex. Huwa spjega li fil-playing field sar tagħmir ta' logħob ġdid u twapet sottostanti, ġew installati arbli ġodda tad-dawl fil-lokalità, kif ukoll li ċ-Ċentru Ċiviku tax-Xagħra jinsab fi stadju ta' evalwazzjoni.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll diversi membri tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946