STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar opportunitajiet ta’ taħriġ barra minn Malta għall-istudenti tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport
Fil-ġimghat li ġejjin, grupp ta' studenti li qed jitħarrġu fil-basketball u l-atletika se jitilgħu għal kamp ta' taħriġ il-Portugall, grupp tal-għawm u għawm artistiku se jitilgħu Franza, filwaqt li żewġ gruppi tal-football sejrin il-Portugall u żewġ gruppi oħra tal-football is-Serbja. Fix-xhur li ġejjin ukoll, grupp tal-arti marzjali se jkollhom l-opportunità li jitilgħu l-Ġappun.
Dawn huma kollha opportunitajiet li qed jingħataw lill-istudenti tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport biex filwaqt li jieħdu taħriġ fid-dixxiplina sportiva li qed isegwu, jkollhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu ma' atleti u sportivi oħra biex jarrikkixxu l-esperjenzi tagħhom.
Lejn tmiem is-sena li għaddiet diġà telgħu gruppi ta' studenti l-Portugal fid-dixxiplini tal-ġinnastika artistika, ġinnastika rittmika, atletika, triathlon, ċikliżmu, handball u grupp ieħor ta' studenti tal-isquash fi Spanja.
“Nemmen fuq l-importanza tal-iżvilupp sħiħ taż-żgħażagħ u għalhekk qed nassiguraw li dawn jingħataw l-għodda meħtieġa mhux biss għall-istudji akkademiċi tagħhom, imma wkoll biex ikomplu jiżviluppaw fid-dixxiplina sportiva tagħhom u jkomplu jiksbu riżultati kemm personali kif ukoll għal Malta", qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta żar l-iskola biex jagħti dettalji dwar dawn il-kampijiet ta' taħriġ.
Huwa qal li l-gvern jinsab kommess li jipprovdi lill-istudenti għarfien edukattiv vast kemm akkademiku kif ukoll relatat mal-isport. Huwa għalhekk li l-gvern qed jagħti opportunitajiet diversi li permezz tagħhom l-istudenti huma mħeġġa jsegwu u jinvestu fil-ħiliet sportivi tagħhom. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport qed jaħdmu u jistinkaw biex jagħtu l-aqwa edukazzjoni akkademika-sportiva lill-istudenti tal-iskola.
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport għandha r-rwol fundamentali li tiżviluppa studenti-atleti determinati u li kapaċi jirnexxu. Magħha hemm marbutin stejjer ta' suċċess, kif rajna matul is-snin li ilha mwaqqfa – din is-sena hija l-11-il sena ta' ħidma ta' din l-iskola. L-iskola twassal lill-istudenti biex eventwalment jirnexxilhom jagħmlu lil Malta kburija billi jikkompetu f'attivitajiet sportivi u prestiġjużi filwaqt li joffru l-aħjar servizzi lis-soċjetà Maltija bħala professjonisti li jaħdmu f'diversi oqsma.
Min-naħa tiegħu, l-Kap tal-Iskola Robert Magro qal: “Qed naraw li nagħtu l-għajnuna kollha possibbli biex l-istudenti jkollhom opportunitajiet li jesploraw karrieri relatati mal-isport, li jistgħu jiftħulhom opportunitajiet kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946