STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jinsab f’fażi avvanzata l-proġett ta’ €21 miljun fil-kumpless edukattiv fir-Rabat, Għawdex
Ix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-iskola primarja ġdida u t-tkabbir u l-immodernizzar tal-iskola medja fil-kampus edukattiv fir-Rabat, Għawdex, b'investiment ta' €21 miljun, jinsab f'fażi avvanzata. L-iskola l-ġdida se tieħu post dik li hemm bħalissa u li ilha mibnija 160 sena, u se tkun f'post differenti minn dik eżistenti, iżda fil-kampus stess tal-kumpless.
“Dan huwa investiment ieħor li qed nagħmlu mhux biss fl-infrastruttura edukattiva, imma investiment dirett fl-edukaturi u l-istudenti tagħna," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħol li qiegħed isir. “Qed naħdmu biex naraw li l-iskejjel tagħna jkunu moderni, addattati għaż-żminijiet tal-lum u li jkollhom atmosfera xierqa kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-istudenti tal-pajjiż," spjega l-Ministru Grima.
Dan il-proġett huwa meqjus bħala l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f'pajjiżna, għaliex il-kampus edukattiv jinkludi ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, skola primarja, skola medja, senior school, kif ukoll is-sixth form, u bosta faċilitajiet sportivi.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tkellem dwar id-diversi proġetti li għaddejjin f'Għawdex fis-settur edukattiv, fosthom f'dan il-kampus. “L-iskola primarja l-ġdida se jkollha 16-il klassi għas-snin tal-edukazzjoni primarja u 10 klassijiet għall-kindergarten. L-iskola se jkollha wkoll klassijiet għal suġġetti speċifiċi, fosthom għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija tal-informatika u tal-arti," qal il-Ministru Camilleri. Huwa saħaq kif dan il-kumpless, li se jkun mifrux fuq 8,000 metru kwadru, se jkollu 3,000 metru kwadru utilizzati għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal.
Ix-xogħol ta' skavar tas-sit beda f'April tal-2020 u l-kostruzzjoni bdiet f'Novembru tal-istess sena. L-iskavar u l-kostruzzjoni saru taħt is-sorveljanza ta' arkeologi tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba li fis-sit instabu fdalijiet arkeoloġiċi u li bħalissa qed issir l-analiżi tagħhom. Biex ikunu preservati tajjeb dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi, se jinbena ċentru ta' interpretazzjoni arkeoloġika li se jkun parti mill-binja tal-iskola. Dan se jgħin lill-istudenti mhux biss fl-istudji tagħhom imma wkoll fl-għarfien tal-importanza li nirrispettaw u ngħożżu l-patrimonju kulturali u storiku.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en