STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA L-ARUC se toħroġ l-applikazzjonijiet għal ħruġ ta’ liċenzji lill-organizazzjonijiet li jipprovdu l-kannabis għall-użu responsabbli
L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis mistennija li toħroġ l-applikazzjonijiet għal ħruġ tal-liċenzji ta’ organizazzjonijiet li ma jagħmlux profitt fit-28 ta’ Frar 2023 biex ifornu prodott magħmul mill-kannabis. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg waqt konferenza tal-aħbarijiet. Hija spjegat kif il-linji gwida ta' dawn il-liċenzji u l-qafas regolatorju se jiġu spjegati fid-dettall lil persuni interessati waqt konvenzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis se tkun qed torganizza konvenzjoni bit-tema “Setting the Standards” fis-27 ta’ Jannar 2023, għall-organizazzjonijiet li ma jagħmlux profitt u li jixtiequ jkunu fornituri tal-kannabis għall-użu personali għall-membri tagħhom. Is-segrerarju parlamentari qalet li l-gvern ried li dan il-proċess delikat ħafna jimxi bir-reqqa sabiex din ir-riforma tilħaq l-għan sħiħ tagħha. Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg żiedet tgħid li bid-dħul fis-seħħ tal-qafas leġiżlattiv, il-gvern enfasizza r-rieda tiegħu li jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi billi jimplimenta riformi għaqlin u bla preċedent sabiex iġibu aktar ġustizzja soċjali.
Is-segretarju parlamentari spjegat li bil-liġi li għadda l-gvern, persuni li jikkonsmaw il-kannabis għal skop personali, u jinstab fuqhom sa seba’ grammi, ma ssirx prosekuzzjoni kontrihom u ma jiġux meqjusa bħala kriminali. Aċċennat kif riforma oħra li wettaq il-gvern qed tagħraf ir-realtajiet u tagħti ċans persuni li kellhom il-kondotta mċappsa minħabba każ b’pussess żgħir ta’ kannabis, li jkomplu b’ħajjithom mingħajr xkiel.
Dan filwaqt li saħqet li l-liġi tħares ukoll li min jixtri l-kannabis jirrikorri għal swieq legali u kompliet tintensifika l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. “Ix-xogħol li għamlet l-awtorità matul dawn ix-xhur sar bir-reqqa biex illum stajna nfasslu u nħabbru pjan li jwassal għall-ħruġ tal-liċenzji meħtieġa minn organizazzjoniet li ma jagħmlux profitt li se jkollhom responsabbiltà li jikkultivaw, jipproċessaw u jbiegħu l-kannabis lill-membri tagħhom”, sostniet is-segretarju parlamentari.
Leonid McKay, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-awtorità għal Użu Responsabbli tal-Kannabis, spjega fid-dettall il-prijoritajiet immedjati tal-awtorità. Hu qal li l-ewwel u qabel kollox l-prijorità hija li jidħol fis-seħħ qafas regolatorju robust għal liċenzjar tal-organizazzjonijiet li ma jagħmlux profitt b’mod immedjat. McKay ta dettalji dwar il-Konvenzjoni li ser ssir fl-MFCC bl-iskop li jkun hemm djalogu miftuħ ma’ organizazzjonijiet prospettivi fuq l-istandards li ser jkunu qed jiġu mnedija dakinhar stess. Filwaqt li semma wkoll li prijorità oħra hija li l-istruttura tal-awtorità tkun tirrifletti l-funzjonijiet li trid taqdi, McKay kkonkluda billi għamel aċċenn fuq l-importanza li din r-riforma tibqa’ tkun waħda li taspira biex jkun hemm ġustizzja soċjali ‘l bogħod minn kull forma ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-settur.
Organizazzjonijiet jew persuni interessati li jirreġistraw għal Konvenzjoni jistgħu jidħlu fuq il-website il-ġdida tal-awtorità, www.aruc.mt filwaqt li għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-awtorità fuq info.aruc@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946