STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER “Dan huwa eżempju ħaj ta’ solidarjetà Nisranija” – l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati
“Dan huwa eżempju ħaj ta' solidarjetà Nisranija" kien il-messaġġ tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia meta llejla inawgura wirja artisitika b'risq id-Dar tal-Providenza fil-Parlament ta' Malta.
F'kelmtejn tal-okkażjoni, l-Ispeaker fakkar li d-Dar tal-Providenza twaqqfet fl-1965 fuq inizjattiva ta' Monsinjur Mikiel Azzopardi, bl-għajnuna tal-Maltin u Għawdxin.
Hu fakkar kif Dun Mikiel Azzopardi kien isejjaħ lil persuni b'diżabilità bħala “il-ward għeżież ta' Alla" u anke “l-Anġli t'Alla", u għaldaqstant juri biċ-ċar il-ħsieb ta' Dun Mikiel Azzopardi li jkompli jnissel fil-Maltin u l-Għawdxin “li dawn ħutna huma wlied t'Alla u l-ħtieġa li aħna ngħinuhom."
L-Ispeaker fakkar ukoll kif ta' kull sena, għadd sabiħ ta' artisti Maltin, Għawdxin u barranin jagħtu l-opri tal-arti tagħhom biex jinġabru fondi b'risq id-Dar tal-Providenza, liema opri għandhom jinbiegħu aktar tard permezz ta' irkant.
Il-pubbliku hu mistieden li jżur il-Wirja b'Risq id-Dar tal-Providenza sat-Tlieta, 27 ta' Diċembru 2022 u l-Presepju Artistiku tas-Sur Benny Camilleri miż-Żurrieq, sal-Ġimgħa, 6 ta' Jannar 2023 f'dawn il-ħinijiet, matul il-ġimgħa bejn id-9.00 ta' filgħodu u l-5.00 ta' filgħaxija, u Sibtijiet, Ħdud u Festi Pubbliċi bejn id-9.00 ta' filgħodu u n-nofs siegħa ta' waranofsinhar.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946