STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: Jissaħħaħ l-iżvilupp rurali fil-lokalità tal-Iklin
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaret xogħol ta’ restawr li sar fuq ħitan tas-sejjieħ fil-lokalità tal-Iklin, b’investiment ta’ ftit aktar minn €140,000. 20% tal-fondi kienu ffinanzjati mill-Gvern Lokali, filwaqt li 80% tal-fondi kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej wara li l-kunsill lokali applika għall-fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
“Ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq dawn il-ħitan tas-sejjieħ mhux biss żied is-sbuħija tal-ambjent f’din il-lokalità, iżda ppreserva l-wirt storiku u ambjentali ta’ pajjiżna li ser jkompli jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija faħħret ukoll l-impenn u d-dedikazzjoni tal-kunsill lokali li ħadem sabiex jikseb dawn il-fondi addizzjonali mill-Unjoni Ewropea.
Waqt iż-żjara, is-Sindku tal-Iklin Dorian Sciberras spjega li barra li dawn l-istrutturi tal-ġebel fl-għelieqi u r-raba’ jagħmlu parti mill-wirt storiku u ambjentali tagħna l-Maltin, dawn jaqdu wkoll funzjonijiet ambjentali oħra.
“L-għan prinċipali tagħhom huwa l-konservazzjoni tal-ħamrija fl-għelieqi, sabiex il-ħamrija ma tinġarrx u tintilef mal-ilma tax-xita. Fil-ħitan tas-sejjieħ tgħix ukoll ekosistema sħiħa, għalhekk huwa ferm importanti li ma jitneħħiex ġebel u ma jsir l-ebda vandaliżmu fuq dawn il-ħitan,” saħaq is-sindku tal-Iklin.
Is-segretarju parlamentari ħeġġet aktar kunsilli lokali sabiex jagħmlu użu minn fondi addizzjonali bħal fondi mill-Unjoni Ewropea, apparti mill-iskemi li jinħarġu mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, sabiex ikomplu jaqdu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet u tar-residenti rispettivi tagħhom.
Ir-restawr u r-rikostruzzjoni fuq il-ħitan tas-sejjieħ saru fi Sqaq in-Namur, Sqaq Giarda, parti minn Triq il-Għargħur u Triq Richard Taylor, fl-Iklin.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946