STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA: Se jitħawlu 3,600 siġra permezz tal-kampanja ta’ tindif minn Parks Malta
Jinġabru 1,800 tunellata skart matul il-kampanja ta’ tindif imtellgħa minn Parks Malta bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet varji, għaqdiet volontarji u tas-settur privat
Wara l-kampanja ta’ tindif f’widien u f’siti naturali mmexxija minn Parks Malta, l-istess entità issa bdiet tħawwel mat-3,600 siġra fl-ispazji miftuħa.
Ta’ kull sena, Parks Malta torganizza l-kampanja ta’ tindif fuq medda ta’ xhur, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-widien, filwaqt li tħeġġeġ entitajiet tal-gvern, għaqdiet volontarji u kumpaniji privati jipparteċipaw fi clean-ups.
Skont l-ammont ta’ skart li jinġabar, Parks Malta tħawwel ammont ta’ siġar. Matul din il-kampanja, inġabru mal-1,800 tunellata ta’ skart minn 30 wied differenti. B’hekk, Parks Malta se tkun qed tħawwel 3,600 siġra – jiġifieri żewġ siġriet għal kull tunellata ta’ skart miġbur.
“Filwaqt li nirringrazzja lil kull min f’dawn ix-xhur ħa sehem f’attivitajiet ta’ tindif li ġew organizzati f’widien u f’żoni differenti, inħeġġeġ lin-nies biex ma jħammġux. Kampanji bħal dawn huma intiżi biex, bħala soċjetà, jgħallmuna nnaqqsu l-użu ta’ materjal li jiġġenera l-iskart, li nirriċiklaw, li nsibu użu differenti u, fuq kollox, li niddisponu mill-iskart b’mod responsabbli,” saħqet il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli.
Matul din il-kampanja, aktar minn 40 għaqda volontarja, kunsill lokali, negozji u skejjel ħadu sehem f’madwar 55 attività ta’ tindif madwar il-pajjiż. Magħhom ingħaqdu għadd ta’ entitajiet governattivi.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946