STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Is-Senglea Pop-Up Park juri kif bħala soċjetà naħdmu flimkien għal iktar spazji ħodor miftuħa – Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministeru għall-Ambjent u Ambjent Malta kkollaboraw mar-ReCreate Project, mal-Kunsill Lokali tal-Isla u mar-residenti taż-żona, sabiex żona pavimentata ma' xatt il-baħar tiġi mibdula f'pop-up park.
Waqt żjara fil-pop-up park max-xatt tal-Isla, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, spjegat kif din l-inizzjattiva turi kif diversi stakeholders jistgħu jaħdmu flimkien għall-ambjent aħjar.
“Ir-ReCreate Project involva familji mill-Isla, akkademiċi, ambjentalisti, esperti tal-landscaping u spatial planning u s-settur privat, sabiex b'mod sostenibbli jiġi kkrejat spazju miftuħ fil-komunità tagħhom, bl-għajnuna ta' entitajiet u gvernijiet lokali. Ir-riżultat ta' dan huwa spazju pubbliku li jista' tassew jappartjeni u jiġi apprezzat mill-pubbliku, peress li l-komunità pparteċipat b'mod attiv mill-bidu ta' dan il-proġett," qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru nnutat li dan il-mudell ta' involviment pubbliku jifforma parti integrali tal-investiment fit-tul mill-Gvern ta' €700 miljun fi spazji ħodor sostenibbli għas-seba' snin li ġejjin.
ReCreate huwa proġett tal-komunità mmexxi minn Ecostack Innovations b'kollaborazzjoni ma' Dawra Madwarna, il-Kunsill Lokali tal-Isla u l-Università ta' Malta. F'dan il-proġett kien hemm kollaborazzjoni wkoll ma' Ambjent Malta sabiex jintuża injam tal-pallet biex jinbnew qsari kif ukoll għamara ta' barra, li tinkludi mwejjed u bankijiet. It-tfal u r-residenti ġew mistiedna biex iżejnu dan l-ispazju ġdid tal-komunità bi pjanti, siġar indiġeni u titjib ieħor sostenibbli.
Il-pop-up park qed joffri spazju pjaċevoli għar-residenti u l-viżitaturi, waqt li jirrispetta l-kultura u l-wirt storiku ta' din il-komunità. Familji u tfal jistgħu jużawh biex jilgħabu logħob tradizzjonali u għall-attivitajiet oħra fil-beraħ. Il-park iqarreb ukoll in-natura lejn fejn jgħixu n-nies, bi rqajja' ta' flora lokalizzati li jistgħu wkoll jattiraw friefet u fawna oħra.
Dr Mario Balzan, il-Fundatur ta' Ecostack Innovations, spjega kif “permezz ta' dan il-proġett qed naħdmu mal-komunità biex b'mod proattiv jiġi rivedut l-ispazju urban u jerġa' jingħaqad man-natura. Permezz ta' dan il-proġett involvejna ruħna wkoll mar-residenti u mal-gruppi tal-komunità u ħejjejna attivitajiet bil-għan li nsebbħu l-ispazju pubbliku u nkomplu naħdmu lejn spazji miftuħa isbaħ, sostenibbli u inklużivi."
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946