STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Laqgħa fil-Parlament ta’ Malta: Flimkien, Biex Ngħelbu l-Isfidi għal Persuni b’Diżabilità
Dalgħodu, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa konferenza fil-Parlament ta’ Malta bit-titlu ‘Flimkien, biex Ngħelbu l-Isfidi għal Persuni b’Diżabilità.’ Din il-laqgħa kienet organizzata mill-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabilità.
F’diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker faħħar il-ħidma tal-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabilità li għal dawn l-aħħar 52 sena ġabret flimkien 37 għaqda volontarja li lkoll jaħdmu fl-interess tal-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex. Il-Federazzjoni Maltija tirrappreżenta lill-persuni b’diżabilità f’laqgħat tal-European Disability Forum (EDF), il-European Union of Supported Employment (EUSE), Inclusion Europe, kif ukoll, fil-Commonwealth Disabled People’s Forum. F’Malta, il-Federazzjoni tirrappreżenta lill-persuni b’diżabilità fil-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), fil-Kumitat Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Kunsill dwar Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ta’ Malta (MCESD) u fil-Forum Nazzjonali għad-Drittijiet Umani (PHROM). Hu stmat li madwar 35,000 jew 7 fil-mija tal-populazzjoni tal-gżejjer Maltin jistgħu jitqiesu persuni b’diżabilità.
L-Ispeaker spjega kif din il-laqgħa tista’ tkun opportunità biex jitwaqqaf djalogu informali bejn l-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità u l-Membri Parlamentari. L-għan aħħari hu li jitjieb il-livell ta’ għajxien tal-persuni b’diżabilità.
Hu saħaq dwar l-importanza li jkunu mħarsa d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità hekk kif inhuma elenkati fid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-2006. F’dan it-trattat, il-komunità internazzjonali għarfet l-importanza li tippromovi u tassigura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-bniedem minn persuni b’diżabilità kollha u r-rispett lejn id-dinjità tagħhom. Hu dmir ta’ kulħadd li l-persuni b’diżabilità jingħataw kull opportunità u għajnuna biex huma jilħqu l-milja ta’ ħajjithom bħal kull persuna oħra. Hu fl-interess nazzjonali li l-persuni b’diżabilità jkunu mgħejjuna biex permezz tas-snajja, ħiliet u professjonijiet tagħhom, huma jagħtu l-kontribut tagħhom fl-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżhom.
L-Ispeaker spjega li matul is-snin, l-awtoritajiet Maltin għenu u għadhom jgħinu bil-bosta lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom u fakkar kif ħamsin sena ilu, kellu jkun il-Monsinjur Mikiel Azzopardi li għarraf lill-poplu Malti u dak Għawdxi l-istat ħażin ħafna ta’ persuni b’diżabilità f’pajjiżna, b’uħud minnhom ġew imwarba f’kantini u mċaħħda mill-kumpanija tal-familjarji u qrabathom filwaqt li oħrajn kien mibgħuta f’isptarijiet li ma kienux attrezzati għal ħtiġijiet tagħhom. Hu kompla billi qal li Monsinjur Azzopardi, mgħejjun minn għadd ta’ benefatturi Maltin, Għawdxin u oħrajn,waqqaf id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi biex f’ambjent sabiħ, nadif u attrezzat għal kura u dak kollu li hu meħtieġ biex persuni b’diżabilità jgħixu b’dinjità.
L-Ispeaker kompla billi qal li minkejja dawn l-avvanzi kbar f’dan il-qasam, dan ma jfissirx li ma baqax aktar x’nagħmlu biex dejjem intejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità, iżda l-awtoritajiet u l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għandhom jisħqu biex jissaħħu s-servizzi u l-għajnuna li tingħata mill-Istat u anke jiżgura lid-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità jitħarsu minn kulħadd, kemm mis-settur pubbliku u dak privat, b’azzjoni u pjan tanġibbli.
L-Ispeaker saħaq li wara kull sfida hemm opportunità li minnhom għandu jgawdu kulħadd. Filwaqt li għandna nagħrfu dawn l-isfidi, għandna nsibu soluzzjonijiet ħalli l-persuni b’diżabilità ikunu tassew integrati fis-soċjetà, jilħqu il-milja ta’ ħajjithom u jkomplu jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv fl-iżvilupp ta’ pajjiżhom, temm id-diskors tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Julia Farrugia Portelli M.P., Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Katya De Giovanni M.P., Ivan Bartolo M.P., u Graziella Galea M.P.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946