STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Investiment ta’ €80,000 favur aktar indipendenza fost il-persuni b’diżabbiltà
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli kienet fl-Italja fejn bħalissa qed isiru l-aħħar modifikazzjonijiet fuq karozza speċjalizzata biex persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti u persuni b'diżabbiltajiet oħra jkunu jistgħu jitħarrġu fiha.
Il-karozza, b'investiment ta' €80,000, se tasal f'Malta daqt u hija mgħammra b'teknoloġija li tippermetti li persuna ssuq il-karozza mis-siġġu tar-roti stess. Propju fil-Jum Internazzjonali ddedikat għall-Persuni b'Diżabbiltà, il-Ministru Farrugia Portelli ħabbret it-twettiq ta' proposta oħra tal-manifest elettorali permezz ta' dan l-investiment li qed isir. It-tema tal-ġimgħa dedikata għall-persuni b'diżabbiltà li bdiet propju fil-jum internazzjonali tisħaq dwar il-ħtieġa li s-soċjetà tħares lejn soluzzjonijiet trasformattivi għall-iżvilupp inklużiv. Dan anki permezz tal-irwol tal-innovazzjoni fit-trawwim ta' dinja aċċessibbli u ġusta. Il-ministru qalet li l-investiment qed ikompli jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern dwar l-inklużjoni, fis-sens l-aktar wiesa' tiegħu. “L-inklużjoni għandha titrawwem u tinkiseb permezz ta' diversi proġetti ta' indipendenza. Il-miżuri tal-Budget 2023 se jkomplu jagħmlu dan", irrimarkat il-Ministru Julia Farrugia Portelli.
Fl-Italja kien spjegat li l-karozza inkwistjoni tista' tiġi misjuqa wkoll minn persuni b'diżabbiltajiet differenti permezz ta' seat li jitwaħħal apposta. Il-modifikazzjonijiet tal-karozza huma mmirati għal kulħadd. Dan ifisser li jekk persuna ma tistax tagħmel użu mill-id il-leminija, il-kontroll ikun kollu fuq ix-xellug, u viċi versa. Il-karozza għandha fiha wkoll sistema awtomatika ta' tifi tan-nar biex persuna b'diffikultajiet aktar ta' immobbiltà qatt ma tkun fil-periklu. Persuni b'diżabbiltajiet differenti se jkunu jistgħu jirċievu taħriġ dwar din il-karozza mill-Aġenzija Sapport.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li tmien membri mit-tim ta' Sonia Tanti Independent Living Centre, fi ħdan l-Aġenzija Sapport, diġà attendew taħriġ speċjalizzat fir-Renju Unit b'rabta ma' dan l-investiment li qed isir. “Inklużjoni għall-persuni b'diżabbiltà tfisser ukoll li rridu nħarrġu lill-ħaddiema tagħna biex l-inklużjoni tkun ħolistika u tintlaħaq fit-totalità tagħha", qalet il-Ministru Farrugia Portelli. Ħabbret ukoll kif matul il-ġimgħa dedikata lill-persuni b'diżabbiltà, se jkunu qed jittellgħu numru ta' attivatijiet bis-sehem tal-persuni b'diżabbiltà u tal-għaqdiet volontarji. Il-qofol tal-attivitajiet organizzati mill-ministeru se jintlaħaq bis-serata Premju Soċjetà Ġusta fejn se jingħataw rikonoxximent dawk kollha li taw sehemhom biex ikollna Malta aktar inklużiva.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946