STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej kellu laqgħa mal-Ambaxxatur Eġizzjan għal Malta, is-Sur Khaled Anis, fejn ġew trattati l-konklużjonijiet tal-konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima magħrufa bħala COP27 li saret f'Sharm El Sheikh l-Eġittu u s-sehem taż-żewġ pajjiżi f'dan l-avveniment tant importanti.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti ċ-Chairperson tal-Kumitat Glenn Bedingfield, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, u d-Deputati Parlamentari Bernice Bonello, Alex Borg u Amanda Spiteri Grech.
Id-diskussjoni indirizzat is-sehem li qiegħda tagħti Malta fl-isforzi internazzjonali li qegħdin isiru sabiex tkun inidirizzata l-kwistjoni sinifikanti tat-tibdil fil-klima. Il-kumitat innota li Malta qed iżżid il-kontribuzzjoni tagħha fl-International Climate Fund, u dan fost inizjattivi oħra li pajjiżna qiegħed jieħu fl-isfera internazzjonali. Iċ-chairperson tal-kumitat tkellem dwar l-impenn tal-Gvern Malti kif espress mill-Prim Ministru Robert Abela waqt il-COP27, li pajjiżna jista' jkun attiv kemm biex jgħin stati żgħar li qegħdin jiżviluppaw u anke sabiex Malta tintuża biex issir riċerka fl-enerġija innovattiva. L-Ambaxxatur Eġizzjan irringrazzja lill-Gvern Malti għas-sehem tiegħu u rrefera għall-ftehim li qed jitfassal bejn il-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi dwar il-ġestjoni tal-ilma. Huwa qal ukoll li mill-esperjenza tagħha Malta tista' tkun ta' ġid għal pajjiżi oħra fejn hemm problemi u nuqqas ta' ilma.
Fid-diskussjoni saret referenza wkoll għar-rabta li hemm bejn it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni dovuta għall-fatt li ċittadini ta' pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw qed jipprovaw imorru lejn l-Ewropa minħabba problemi ta' nixfa kkawżati minn temperaturi għolja u problemi oħra relatati mat-tibdil fil-klima. L-Ambaxxatur Eġizzjan ħeġġeġ lil Malta sabiex taħdem aktar fost il-pajjiżi Ewropej ħalli jżidu l-impenn tagħhom fejn jidħlu l-isfidi li t-tibdil fil-klima qiegħda ġġib magħha. Fil-laqgħa tal-Kumitat ġie nnotat li fejn jidħol l-Indiċi tal-Prestazzjoni tat-Tibdil fil-Klima, Malta għandha indiċi li huwa ogħla mill-medja Ewropea.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946