STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport ta’ Verifika ta’ Prestazzjoni: Care for the Elderly in Gozo
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta l-istudju hawn fuq imsemmi lill-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. L-għan ta' dan l-istudju kien li jiddetermina kemm il-prattiki attwali relatati mad-djar residenzjali u s-servizzi fil-komunità għall-anzjani, li ġew implimentati mill-Ministeru għal Għawdex (MGOZ), ikkontribwew għal servizzi ta' livell għoli u kienu bbażati fuq prinċipji ta' valur għall-flus, li jinkludu l-kwalità, l-effiċjenza kif ukoll prezzijiet raġonevoli. Matul is-sena 2021, in-nefqa relatata ma' dawn is-servizzi kienet ta' 'l -fuq minn €5.9 miljun.
Din il-verifika ta' prestazzjoni rrappurtat riżultati opposti fl-għoti ta' dawn is-servizzi f'Għawdex. M'hemmx dubju li, b'mod ġenerali, il-fondi pubbliċi li ntefqu minn MGOZ ikkontribwew b'mod pożittiv għall-ġid tal-anzjani li jgħixu kemm fil-komunità kif ukoll fid-djar tal-kura residenzjali. Madankollu, teżisti l-opportunità li titjieb il-kwalità u l-effiċjenza, li f'xi aspetti kellhom effett fuq l-ispiża ta'dawn is-servizzi.
Home-Help: Dan is-servizz iffaċilita u kompla jħeġġeġ lill-anzjani u persuni b'diżabilità biex jibqgħu jgħixu fil-komunità. L-ispiża konġunta bejn il-Gvern u l-klijent, ta' madwar €9 fis-siegħa, hija meqjusa raġonevoli meta mqabbla mal-kriterji stabbiliti mill-NAO. Min-naħa l-oħra, minkejja li MGOZ assigura provista adegwata ta' sigħat għal dan is-servizz permezz ta' kuntratt ma' terzi kif ukoll bis-saħħa tal-impjieg dirett t'assistenti soċjali, madwar 20 fil-mija tas-sigħat approvati għal dan is-servizz fl-2021 (42,869 siegħa), baqgħu ma ngħatawx.
Meals-on-wheels: Il-prezz ta' ikla ta' tliet platti u li hija mwassla għand il-klijenti, tirrifletti valur għall-flus, kemm mill-perspettiva tal-klijenti kif ukoll tal-Gvern. Dawn flimkien jagħmlu kontribuzzjoni kollettiva ta' madwar €5.55, li hija simili għal ikla take-away modesta. Minkejja ż-żieda fid-domanda għal dan is-servizz matul il-perjodu tal-COVID-19, stħarriġ ikkummissjonat mill-kuntrattur wera li l-livell ta' sodisfazzjon tal-klijenti, proporzjonalment, naqas f'Diċembru tal-2021 meta mqabbel mar-riżultati t'April tal-2019.
Villa San Lawrenz: Ir-rati mħallsa minn MGOZ lill-Villa San Lawrenz huma fost l-ogħla meta mqabbla ma' servizzi simili f'Malta. Minkejja din l-ispiża, MGOZ hija kostretta li tirriżerva numru zgħir ta' sodod f'din ir-Residenza biex tilqa' għal emerġenzi.
Downtown Hotel: Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija, 80 pazjent anzjan kellhom jiġu rilokati mill-Isptar Ġenerali t' Għawdex għad-Downtown Hotel. Filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jiġu solvuti kwistjonijiet li jinqalgħu waqt emerġenzi, dan it-trasferiment ma kienx dokumentat b'mod sħiħ u b'audit trails b'saħħithom. L-element tal-kera mħallsa lid-Downtown Hotel ikkontribwixxa għal spejjeż totali ogħla meta dawn ġew mqabbla ma' djar residenzjali oħra f'Malta u f'Għawdex.
Dar San Ġużepp: Wara nefqa ta' aktar minn miljun ewro fuq medda ta' tmien snin, MGOZ għadu ma jistax jiffissa data sa meta dan il-proġett għandu jitlesta sabiex ikun jista' jakkomoda l-anzjani f'din il-proprjetà. Dan il-proġett kien ikkaratterizzat minn kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-proġett u problemi amministrattivi, inkluż ir-rivalutazzjoni tal-proposti fis-sejħa tal-offerti.
Casa Amalia: Din id-dar li għandha 23 sodda, tipprovdi servizzi relatati mad-dimensja għall-prezz ta' €106.50 kuljum għal kull sodda. Is-servizzi li jingħataw minn din ir-residenza huma ta' natura simili għal dawk ipprovduti ġewwa Dar Padova, li hija faċilità oħra li tipprovdi kura għad-dimensja u li hija mmexxija mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC). Madankollu, teżisti l-opportunità għal komunikazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-MGOZ u l-AACC, biex jiggwidaw u jippermettu lir-residenti u lill-klijenti potenzjali biex jibbenifikaw bl-aħjar mod mill-faċilitajiet offruti f'dawn id-Djar.
Il-monitoraġġ mill-MGOZ tal-kuntratti kollha fis-seħħ kien ġeneralment reattiv għall-ilmenti tal-klijenti għax il-Ministeru m'għandux struttura biex isegwi l-implimentazzjoni tal-kuntratt b'mod komprensiv u regolari. Dawn il-limitazzjonijiet inaqqsu mill-prinċipji tat-trasparenza u l-kontabilità. Għaldaqstant, MGOZ impenja ruħu li jirrevedi u jssaħħaħ ir-rwol ta' monitoraġġ fir-rigward tal-kuntratti ma' terzi li jipprovdu servizzi lill-anzjani.
Din il-verifika wriet li MGOZ waqqaf il-pedamenti biex jespandi u jtejjeb il-kwalità tas-servizzi komunitarji u residenzjali għal popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ. Madankollu, dan ir-Rapport qajjem għadd ta' kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ, l-obbligi kuntrattwali u l-valur għall-flus. F'dan ir-rigward, l-NAO ppropona numru ta' rakkomandazzjonijiet strateġiċi u speċifiċi għas-servizz provdut.
Ir-Rapport sħih jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: www.nao.gov.mt u l-paġna ta' Facebook: www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946