Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Investiment fl-ESG hija l-għodda għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – il-Ministru Miriam Dalli f’COP27

pr221586
Date Icon 17/11/2022

Tagħrif miġbur mill-Environment, Social and Governance (ESG) Portal ta’ Malta juru li kumpaniji Maltin li qed jinkludu kriterji tal-ESG fil-mudell kummerċjali tagħhom mhux biss qed jibbenefikaw finanzjarjament, iżda qed jikkontribwixxu wkoll fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Din l-istatistika turi kif kumpaniji li qed jinvestu fi kriterji tal-ESG irreġistraw tnaqqis ta’ 31% fil-konsum tal-ilma, tnaqqis ta’ 9% fil-ġenerazzjoni tal-ilma u tnaqqis ta’ 8% fl-emissjonijiet tad-diossidju tal-karbonju (CO2). 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret dan fid-diskors tagħha matul il-konferenza ‘Climate Resilient Tourism in the Mediterranean’ waqt il-COP27, f’Sharm El Sheikh, l-Eġittu. Din il-konferenza ffukat fuq inizjattivi fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima fil-Mediterran. 

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, flimkien ma’ Global Water Partnership – Mediterranean u l-Unjoni għall-Mediterran, ospitaw  din il-konferenza bl-appoġġ tal-Ambaxxatriċi għall-Azzjoni tal-Klima, il-Professur Simone Borg. F’din il-konferenza, il-kelliema ppreżentaw soluzzjonijiet biex jgħinu lis-settur privat, b’mod partikolari s-settur turistiku, biex ikun aktar reżiljenti u sostenibbli b’enfasi fuq ir-rabta bejn l-enerġija u l-ilma. 

B’temperaturi li qed jiżdiedu b’20% aktar mill-medja globali, ir-reġjun tal-Mediterran qed ibati mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. Is-settur tat-turiżmu, wieħed mill-kontributuri ewlenin tal-ekonomija, jikkawża pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ kwalunkwe pajjiż, fost oħrajn fuq ir-riżorsi tal-enerġija u l-ilma. 

“Is-settur privat, inkluż is-settur tat-turiżmu, għandu l-potenzjal li jkompli jiżviluppa biex isir aktar ambjentalment u ekonomikament sostenibbli. Is-settur tan-negozju huwa sieħeb importanti fil-bidla lejn ekonomija li ma tniġġisx sal-2050. U għalhekk il-gvern qed jappoġġja lin-negozji biex isiru aktar ambjentalment sostenibbli. Bl-istess mod, irridu nkomplu nikkontribwixxu fir-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li nħallu l-ideat innovattivi jikbru u jiffjorixxu,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Dalli enfasizzat fuq kif azzjonijiet favur l-ambjent iroddu l-frott; “B’soluzzjonijiet li jżidu l-effiċjenza fl-enerġija, fl-ilma u fit-tnaqqis fl-iskart, u azzjonijiet innovattivi  jgħinu lin-negozji jsostnu l-profitabilità filwaqt li jagħmlu l-ġid. Bħala pajjiż, Malta qed inkomplu ninċentivaw lil dawn il-kumpaniji li qed jinvestu fis-sostenibbiltà u li qed inaqqsu l-karbonju. Il-ħidma biex immexxu ’l quddiem il-kriterji tal-ESG sabiex ikunu kkunsidrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet jistgħu, u se jkomplu jmexxuna aktar ’il quddiem.”

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma spjegat kif proġett pilota mmirat għall-guesthouses qed jipprovdi assistenza fl-immaniġġjar tal-enerġija u l-ilma. Ir-riżultat ta’ dan il-proġett se jgħin sabiex jiġu identifikati opportunitajiet għal aktar titjib.

Matul il-COP27, fejn qed jitlaqqgħu diversi pajjiżi biex tittieħed azzjoni biex jintlaħqu l-miri klimatiċi dinjija, il-Ministru Dalli kellha wkoll laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Petroleum u r-Riżorsi Minerali tal-Eġittu, Tarek el Molla, il-Ministru għall-Elettriku u l-Enerġija Rinnovabbli, Mohamed Shaker El-Markabi, u l-Ministru għar-Riżorsi tal-Ilma u l-Irrigazzjoni, Hani Sewilam.

“L-Eġittu u Malta għandhom ħafna similaritajiet fejn tidħol l-adattament għall-klima. Is-sistemi t’enerġija rinnovabbli, sorsi aktar nodfa tal-enerġija u t-teknoloġija tal-batteriji huma suġġetti t’interess għaż-żewġ naħat, għalhekk inħarsu ’l quddiem għal aktar kooperazzjoni,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli attendiet ukoll għal-laqgħa bilaterali ma’ Chris Bowen, il-Ministru Awstraljan għat-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija. 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Investiment fl-ESG hija l-għodda għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – il-Ministru Miriam Dalli f’COP27
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow