STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Imnedija kampanja ta’ informazzjoni dwar l-entitajiet tal-ġustizzja
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard flimkien mas-Segretarju Permanenti Johan Galea nedew l-ewwel fażi ta’ kampanja ta’ informazzjoni mmirata lejn iċ-ċittadini kollha u hija bbażata fuq is-servizzi li joffru l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza fuq is-servizzi offruti u li huma aċċessibbli għal kulħadd.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Jonathan Attard tkellem fuq il-ħtieġa li jkun hemm konoxxenza tas-servizzi eliġibbli għall-professjonisti u nies li jiffurmaw parti mis-settur tal-ġustizzja. Huwa tenna li l-ġustizzja għandha tidher li qed issir mhux biss fil-kawżi tal-Qorti, iżda wkoll billi kulħadd ikun mgħarraf b’servizzi li wieħed jista’ jagħmel użu minnhom. Dawn is-servizzi jvarjaw minn rappreżentanza tal-avukat tal-għajnuna legali b’xejn għal dawk eliġibbli, atti notarili li jistgħu jiġu ordnati onlajn, kif ukoll numru ta’ servizzi diġitali oħra.
Il-Ministru Attard sostna li din il-kampanja se twassal għal aktar għarfien tas-servizzi li qed jiġu offruti mill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru, liema entitajiet se jkomplu jiġu attrezzati bl-aħjar mod possibbli. “Din il-kampanja se twassal ukoll biex mhux biss nitkellmu fuq servizzi li qed noffru, iżda li naraw li ntejbu u nżidu fuqhom, inkluż customer help desk fil-Qorti,” sostna l-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Permanenti Johan Galea tenna kif din il-kampanja nibtet mill-fatt li fi stħarriġ fuq livell nazzjonali li kien sar fl-2021 ħareġ li filwaqt li l-poplu kellhu għarfien diġitali, madankollu l-poplu Malti u Għawdxi ma kienx infurmat sew fuq il-qasam tal-Ġustizzja u s-servizzi li jiġu offruti. Dan joħroġ ukoll mill-fatt li l-maġġoranza tan-nies jabbinaw il-ġustizzja mal-qorti biss, 40% biss jafu li għandhom aċċess għas-sentenzi tal-qorti, u 15% biss jafu li l-avukat jista’ jiftaħ kawża online.
Ġie spjegat li dan l-istħarriġ irrid jittieħed ukoll fid-dawl tal-investiment li l-Gvern qiegħed jagħmel fil-ġustizzja. Mill-2017 sal-2022, l-investiment tal-gvern f’dan il-qasam irdoppja b’żieda ta’ 99.67% minn €20,422,500 għal €40,778,400, filwaqt li n-nefqa bejn l-2017 u l-2021 żdiedet b’88%. Dan l-investiment fuq medda ta’ ħames snin sar sabiex jitwaqqfu entitajiet ġodda fil-ġustizzja bħad-Dipartiment tal-Ġustizzja, sabiex jitkabbru l-operat tal-entitajiet, bħal ma qed jiġri fl-Aġenzija tal- Għajnuna Legali u sabiex jiġu mwessgħa s-servizzi offruti, bħal ma qiegħed iseħħ fin-Nutar tal-Gvern.
“Il-firxa ta’ servizzi li jeżistu fil-qasam tal-ġustizzja huwa wieħed kbir u dejjem jiżdied, offruti kemm lill-professjonisti, kif ukoll lil poplu inġenerali,” temm jgħid is-Sur Galea.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet saret preżentazzjoni tal-kampanja, inkluż il-materjal promozzjonali li se jidher fuq it-televiżjoni, billboards, midja soċjali, fost oħrajn, li se jkun qed jasal dirett għand in-nies fiż-żmien li ġej.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946