STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Il-Ministru Ian Borg u l-Ministru Miriam Dalli b’numru ta’ laqgħat fil-Libja
Matul il-jum tal-Ħadd, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli kellhom numru ta' laqgħat bilaterali fil-Libja.
Il-ministri bdew b'laqgħat importanti ferm mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Najla El Mangoush, mal-Ministru għaż-Żejt u l-Gass Mohammed Oun u mal-Ministru għall-Ambjent Ibrahim Munir Al-Arabi. Il-ministri stqarrew li, “Permezz ta' dawn id-diskussjonijiet qed inkomplu naraw flimkien sabiex il-popli tagħna jibbenefikaw minn kwalità ta' ħajja aħjar."
“Iż-żjara fil-Libja hija turija soda tar-rieda li nibqgħu nikkonsolidaw u ntejbu r-relazzjoni tagħna mal-Libja", qal il-Ministru Ian Borg waqt li kien qed jindirizza l-mezzi tax-xandir wara laqgħa fuq livell ta' ministri tal-affarijiet barranin. Huwa sostna li matul id-diskussjoni mill-aktar miftuħa li kellu, ġew diskussi numru ta' suġġetti importanti fosthom l-immigrazzjoni irregolari, l-aħħar żviluppi fi Tripli u l-bżonn ta' elezzjonijiet demokratiċi mill-aktar fis possibbli u t-terminu ta' Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern Malti huwa kommess li jesplora opportunitajiet mal-Libja fil-qasam tal-enerġija, b'mod partikolari fil-qasam tar-rinnovabbli.
“Wara li f'Settembru li għadda l-Gvern Malti ffirma ftehim ta' koperazzjoni, illum komplejna bit-taħditiet biex nieħdu 'l quddiem din il-ħidma li tista' tkun opportunità ta' investiment għaż-żewġ pajjiżi. Malta kommessa li tkompli tinvesti fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tagħha," qalet il-Ministru Dalli.
Id-delegazzjoni Maltija temmet l-impenji tagħha fil-Libja b'laqgħa mal-Prim Ministru Abdulhamid Dbeibah u l-President Menfi fejn komplew jimirħu fuq id-diskussjonijiet li kellhom aktar kmieni u l-bżonn li l-kooperazzjoni ta' kummerċ u politika tibqa' tissaħħaħ.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946