STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta se tagħti prijorità lit-tibdil fil-klima fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda
“Malta tqis is-suġġett tat-tibdil fil-klima bħala wieħed importanti ħafna u bħala wieħed mill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda se tkun qed tagħtih prijorità u taħdem biex tara li dan ikun indirizzat bl-aqwa mod possibbli." Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza panel ta' diskussjoni bħala parti mill-Paris Peace Forum f'isem il-Gvern Malti.
Il-Ministru Ian Borg sostna kif Malta qed tagħti importanza qawwija fuq l-impatt taż-żieda fil-livell tal-baħar fuq is-sigurtà u l-paċi internazzjonali. “Huwa essenzjali li f'dawn il-mumenti nkomplu nuru l-valur tas-solidarjetà, kif fl-aħħar mill-aħħar qed tagħmel Malta permezz tal-inizjattiva 'Islands for Islands' li kien ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela." Malta qed timplimenta l-istrateġija tad-dikarbonizzazzjoni li se twassal għan-newtralità tal-karbonju sas-sena 2050.
Il-Ministru kompla jgħid li Malta għandha l-għan biex fiż-żmien li ġej tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħha għall-Fond Internazzjonali tal-Klima. Intqal kif pajjiżna se jkun qed joffri boroż ta' studju fl-Università ta' Malta lil studenti li ġejjin minn stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, sabiex huma jifhmu l-aħjar prattiċi li qed tadotta Malta, b'mod partikolari fl-immaniġġjar tal-ilma.
Fi tmiem l-indirizz tiegħu, il-Ministru Ian Borg kompla jispjega dwar il-kriżi mondjali li għaddejjin minnha u kif din mhux biss hija theddida għall-ambjent iżda wkoll, u aktar minn hekk, għall-għajxien tal-popli tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946