STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, FONDI EWROPEJ U ARTIJIET Imnedija l-kampanja ta’ Black Friday 2022
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri, flimkien mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (Chamber of SMEs), nedew il-kampanja ta' din is-sena għal Black Friday. Ġiet imnedija wkoll website blackfridaymalta.eu li tiġbor l-offerti għal Black Friday offruti fis-suq Malti.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li waħda mill-affarijiet pożittivi tal-pandemija kienet li aċċellerat il-proċess ta' diġitalizzazzjoni ta' diversi negozji. Kompla li bħala Ministeru flimkien mad-diversi entitajiet, dejjem saħqu fuq l-importanza tad-diġitalizzazzjoni f'pajjiżna u għaldaqstant huwa ta' sodisfazzjoni li din is-sena ttieħdet l-inizjattiva miċ-Chamber of SME's sabiex tiġi mnedija website għal Black Friday. Huwa sostna li din l-inizjattiva ser tgħin ukoll lil dawk in-negozji li għadhom ma daħlux daqshekk fid-dinja diġitali, biex huma wkoll ikunu jistgħu jikkompetu fis-suq.
“Dan se jkun Black Friday b'differenza, l-ewwel minn mindu ħallejna l-pandemija warajna u f'ċirkostanzi ta' kriżi dinjija oħra. Iżda dan il-gvern wera għal aktar minn darba li se jibqa' jkun hemm ta' spalla man-negozji biex nibqgħu nassiguraw li jibqa' jkollna ekonomija ta' suċċess. U dan qed jgħiduh diversi fora internazzjonali kemm bi statistika maħruġa mill-Eurostat dwar il-konsum f'pajjiżna, kif ukoll minn tbassir ekonomiku għas-sena li ġejja kemm mill-IMF kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea li qed ibassru konsum ferm għola mill-medja Ewropea," temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.
Min-naħa tiegħu, Paul Abela, il-President taċ-Chamber of SMEs, qal li l-Black Friday għamlet minn Novembru xahar importanti fin-negozju. Huwa ħeġġeġ aktar negozjanti sabiex joffru l-offerti tagħhom fuq il-website il-ġdida.
Abigail Mamo, CEO taċ-Chamber of SMEs, tkellmet fuq il-website blackfridaymalta.eu fejn tat ħarsa dwar kif taħdem din il-website, kif negozju jista' jdaħħal l-offerti tiegħu u kif tista' tkun aċċessata mill-konsumaturi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946