STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport ta’ verifika ta’ prestazzjoni: A Follow-Up on the 2018 Strategic Overview of Mount Carmel Hospital
L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, illum ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia, ir-rapport imsemmi hawn fuq. Studju li l-NAO ppubblika fl-2018 kien għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet bil-għan li jindirizzaw tħassib relatat mal-Isptar Monte Karmeli (MCH), u allura b’implikazzjoni, mas-servizzi tas-saħħa mentali (MHS). Dan l-istudju ta’ segwitu, għalhekk, huwa intenzjonat biex jevalwa l-progress tal-gvern fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Dan l-istudju ta’ segwitu nnota b’mod pożittiv li r-rakkomandazzjonijiet kollha li l-NAO għamel fir-rapport oriġinali tal-2018 ġew aċċettati mill-MHS. Ta’ aktar importanza huwa l-fatt li, għalkemm fi stadji differenti, ġie reġistrat progress fl-implimentazzjoni ta’ aktar minn nofs dawn ir-rakkomandazzjonijiet, inklużi dawk meqjusa bħala kruċjali.
L-NAO nnota li l-MHS għandha intenzjoni ċara li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li jirrigwardjaw it-titjib strutturali u l-atmosfera tal-isptar, b’rinnovazzjoni u x-xogħlijiet strutturali jiġu mwettqa f’aktar minn nofs is-swali tal-isptar. Minkejja dan, l-NAO xorta jibqa’ mħasseb dwar l-istat tas-swali li baqgħu fl-istess kundizzjoni mhux mixtieqa li kienu fiha kif issemma fir-rapport tal-2018. Dan l-uffiċċju jifhem li ambjent bħal dan bla dubju jolqot il-benesseru tal-pazjenti u tal-ħaddiema. L-NAO jitħasseb ukoll dwar il-fatt li l-attentat tal-MHS li takkwista sptar temporanju għal kura akuta biex pazjenti jkunu jistgħu jiġu rilokati minn MCH, kien bla suċċess. Madanakollu, l-Uffiċċju jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex l-isptar nnifsu jkun aktar sigur u adattat għall-pazjenti li għandhom bżonn ta’ kura tas-saħħa mentali.
Dan l-istudju ta’ segwitu wera titjib ukoll fis-sitwazzjoni li tirrigwardja l-impjegati responsabbli mis-sigurtà tal-isptar. Madanakollu, wera wkoll it-tħassib tal-NAO fuq in-nuqqas ta’ progress irreġistrat fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ titjib tas-sistema ta’ CCTV fl-isptar u fil-mod ta’ kif jiġu ġestiti l-master keys.
L-NAO nnota wkoll li kien hemm żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji rikorrenti u kapitali li rċieva l-MCH bejn l-2018 u l-2022, kif ukoll tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema li l-isptar jonqsu biex jilħaq in-numru ideali ta’ impjegati. Filwaqt li dan it-titjib huwa bla dubju andament pożittiv, dan is-segwitu xorta sab li dawn iż-żidiet ma jammontawx għal dak li l-MHS tqis bħala ottimu. Dan huwa prinċipalment minħabba l-fatt li l-isptar jiffaċċja sfidi esterni sinifikanti sabiex jimpjega l-ħaddiema li jeħtieġ, kif ukoll minħabba l-fatt li l-MCH ma rnexxielux jutilizza bis-sħiħ il-fondi li kienu allokati għal proġetti kapitali fl-isptar fl-aħħar snin.
It-tnedija ta’ strateġija fuq is-saħħa mentali, kif ukoll l-isforz evidenti mill-MHS biex jitnaqqas drastikament in-numru ta’ pazjenti li ma jirrikjedux żamma fi sptar għal kura tas-saħħa mentali, kienu wkoll innutati b’mod pożittiv f’dan is-segwitu. Dawn jaqblu mal-isforz sinifikanti fuq it-tisħiħ tas-servizzi komunitarji tal-MHS, bl-aktar notevoli jkunu t-titjib fir-riżorsi umani (għalkemm in-numru ideali ta’ impjegati għad irid jintlaħaq), kif ukoll it-titjib fil-komunikazzjoni bejn il-kliniċi/ċentri komunitarji u t-tmexxija tal-isptar. Madanakollu, dan l-uffiċċju jibqa’ konċernat rigward l-isfidi evidenti li qed jiffaċċjaw kliniċi/ċentri li qegħdin f’binjiet li jew mhumiex adekwati jew inkella wisq żgħar biex jilqgħu pazjenti li għandhom bżonn kura għas-saħħa mentali.
Il-punti msemmija hawn fuq u oħrajn huma ppreżentati b’mod komprensiv f’dan ir-rapport, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-uffiċċju. Ir-rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: http://www.nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946