Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Għawdex se jgawdi minn madwar €60 miljun f’investiment biex isir żvilupp sostenibbli

pr221479
Date Icon 29/10/2022

“F'dan il-budget ġie kkonfermat li Għawdex se jgawdi mill-akbar investiment u nefqa kapitali ta' kull żmien għaliex għall-ewwel darba Għawdex se jgawdi minn madwar €60 miljun f'investiment kapitali taħt l-inizjattiva Sustainable Urban Development," qal il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha elenka u spjega l-miżuri tal-Budget 2023 relatati mal-istess ministeru.

Il-Ministru Camilleri qal li dan huwa tragward importanti ferm għal din il-gżira fejn bil-fatti l-gvern qed ipoġġi l-investiment kapitali fi gżiritna fuq quddiem nett. Semma li apparti dan, Għawdex ukoll se jkun qiegħed jibbenefika minn 10% tal-investiment ta' koeżjoni u agrikoli tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u dan ifisser ukoll li fis-seba' snin li ġejjin, Għawdex se jkun qed jibbenefika minn madwar €100 miljun oħra minn fondi Ewropej li se jiġu investiti f'Għawdex.

Il-ministru qal, “Wasalna s'hawn għaliex tul dawn l-aħħar snin kellna gvern li kontinwament investa f'Għawdex, fil-proġetti, fil-wirt kulturali, fl-infrastruttura, fit-turiżmu u biddel lill-gżira Għawdxija f'mutur ekonomiku." Fakkar li ċ-Ċittadella ntgħażlet għar-Regiostars Awards fost 300 proġett u ġiet innominata fost l-aqwa 15-il proġett li qatt saru mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea. Stqarr li dan il-gvern kommess li jkompli jżomm il-wirt storiku fl-aħjar stat possibbli u semma li matul din is-sena beda proċess sabiex l-akwedotti li jinsabu fil-limiti tar-Rabat jiġu restawrati. Fil-fatt, għaddej abbozzar ta' tender għar-restawr tal-akwedotti li mistenni joħroġ dalwaqt b'valur ta' €2.5 miljun.

Il-ministru qal li l-gvern kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin permezz ta' ambjent aħjar, ekonomija b'saħħitha u toroq u infrastruttura aħjar.

L-infrastruttura fil-gżira Għawdxija baqgħet prijorità għall-Ministeru għal Għawdex fejn tkompla l-programm ambizzjuż ta' bini mill-ġdid ta' toroq. Għas-sena d-dieħla ġew allokati €8 miljun oħra biex fl-2023 ikompli l-programm b'saħħtu ta' bini ta' toroq. Fi ftit tal-ġimgħat oħra mistennija titlesta t-triq prinċipali li tagħti min-Nadur għall-Port tal-Imġarr. B'hekk, il-ministru qal li se nkunu prattikament bnejna mill-ġdid il-links kollha li minn dan il-port ewlieni jwasslu għall-Qala, għan-Nadur u għal Għajnsielem u għall-bqija tan-network infrastrutturali f'Għawdex.

Il-Ministru Camilleri semma wkoll li l-ambjent ukoll baqa' prijorità għall-Ministeru għal-Għawdex u din is-sena mistenni jitlesta l-proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej sabiex jiġu rrestawrati u mibnija mill-ġdid 30 kilometru ta' ħitan tas-sejjieħ. Barra minn hekk, l-għotja finanzjarja tal-iskema ta' skrappjar ta' vetturi li jħammġu f'Għawdex ser tibqa' dik ta' €2,000.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li proġetti bħall-Mużew ta' Għawdex u ċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv isaħħu l-potenzjal ta' Għawdex kemm sabiex l-Għawdxin igawdu minn livell ta' ħajja aħjar kif ukoll sabiex inkomplu nagħmlu lil Għawdex destinazzjoni turistika distinta. Il-ministru għal Għawdex qal li t-turiżmu huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija Għawdxija u li din is-sena kienu immirati numru ta' swieq Ewropej, fejn l-irkupru kien wieħed b'saħħtu. Dan deher ukoll fl-industrija tal-cruise liners, fejn kien hemm mal-20 wasla f'Għawdex li b'kollox ġabu magħhom madwar 6,500 passiġġier.

Għawdex kompla jiġi promoss fis-suq domestiku u flimkien mal-Gozo Tourism Association, il-ministru semma li ser titnieda skema ta' inċentivi biex ikun attirat turiżmu lejn il-gżira Għawdxija bi sħab ma' operaturi turistiċi biex b'hekk Għawdex ikollu iktar turiżmu matul is-sena kollha.

Il-ministru sostna li se jibqa' jsir investiment fil-konnettività bejn Malta u Għawdex. Wara li fl-aħħar snin issaħħaħ is-servizz tal-Gozo Channel, dan il-gvern se jara li s-servizz tal-fast ferry ukoll ikun wieħed li jaqdi sew lill-Għawdxin u lill-Maltin u lil kull min jagħmel użu minnu. Dan filwaqt li ser ikompli wkoll ix-xogħol biex issir ir-Rural Airfield f'Għawdex.

Qal li dan hu budget ieħor b'investiment b'saħħtu fl-edukazzjoni. F'Għawdex ukoll l-edukazzjoni qed tingħata l-importanza li jixirqilha u fost ir-rinnovar li qed isir fl-iskejjel, se jitkompla x-xogħol fuq l-iskola tan-Nadur u tar-Rabat. Kompla jgħid li se jitkomplew ukoll il-proġetti kapitali fis-saħħa u fost l-investimenti fit-tul li saru fuq proġetti infrastrutturali nsibu ċ-ċentru l-ġdid fir-Rabat, Għawdex. Fis-saħħa wkoll se jiżdiedu servizzi ġodda. Pazjenti residenti f'Għawdex, li jkunu temmew  it-trattament għall-kanċer, ser igawdu mis-servizz ta' Holistic Needs Assessment (HNA) Clinic, offrut fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.

Il-Ministru Clint Camilleri sostna li dan il-gvern qed isaħħaħ lill-Għawdxin f'kull sens; f'dak ekonomiku, soċjali u ambjentali. L-inċentivi fiskali għall-proprjetà se jkomplu. Fil-fatt, qed jiġu estiżi l-iskemi tal-propjetà jiġifieri l-iskemi ta' tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, second-time buyers u x-xiri ta' proprjetà f'Għawdex. F'Għawdex, il-first-time buyers se jibbenefikaw minn €30,000, id-doppju ta' Malta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Għawdex se jgawdi minn madwar €60 miljun f’investiment biex isir żvilupp sostenibbli
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

Aktar Stqarrijiet Right arrow