STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, FONDI EWROPEJ U ARTIJIET MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Budget li jaħseb għal-lum kif ukoll għal għada
F'konferenza tal-aħbarijiet, waqt li kien qed jispjega l-miżuri ewlenin tal-Budget 2023 relatati mal-ekonomija, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri sostna li dan il-Budget huwa għal-lum, imma iżjed u iżjed għal għada, u huwa budget ta' gvern li jisma' u jieħu azzjoni neċessarja.
“Smajna lill-industrija fejn waħda mill-akbar problemi li jsibu hija l-burokrazija. Għalhekk qed nagħmlu diversi miżuri għas-simplifikazzjoni tan-negozju. Fosthom ħtarna kumitat b'diversi stakeholders biex naħdmu fuq tliet punti ewlenin: li kull negozju jkollu dritt għal kont bankarju; it-twaqqif ta' Credit Review Office, biex jara dawk in-negozji li ġew rifjutati self; u Due Diligence Repository System għall-entitajiet governattivi, sistema li wara tista' tiġi adottata wkoll għas-settur privat", sostna l-Ministru Schembri. Huwa qal li l-MBR qed taħdem ukoll biex is-servizzi kollha tagħha jiġu modernizzati u simplifikati.
Infrastruttura adegwata għall-industrija
Ġie spjegat li pajjiżna qiegħed jinvesti €470 miljun fuq seba' snin f'infrastruttura industrijali. Dan minbarra l-bini ta' plots u fabbriki ġodda, kif ukoll proġett ta' €36 miljun f'aċċessibbiltà f'toroq ġodda f'żoni industrijali. Fil-fatt bħalissa qiegħed isir xogħol fiż-żoni industrijali ta' Ħal Luqa, Bulebel u Ħal Far. F'Għawdex ukoll qed naraw xogħol għaddej fuq spazju ġdid biswit iż-żona industrijali tax-Xewkija.
Avjazzjoni u Marittimu
“Daħħalna qafas regolatorju ġdid, Cellular company – mudell li diġà użajna għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u użajna l-istess mudell għall-avjazzjoni. Dan wassal biex flimkien ma' inċentivi oħra llum għandna fost l-akbar reġistru fl-Ewropa fil-qasam tal-avjazzjoni u marittimu. Żewġ setturi li qegħdin jikbru mhux biss mil-lat ta' reġistru", sostna l-Ministru Schembri.
Huwa fakkar kif INDIS Malta waslet fl-aħħar tax-xogħol fuq it-Taxiway Lima, proġett ta' €12-il miljun, li permezz tiegħu kumpaniji ta' manutenzjoni ta' ajruplani jistgħu jilqgħu wide bodied aircrafts. Is-sena d-dieħla INDIS Malta se tniedi pjan strateġiku għaż-żona tal-ajruport b'opportunitajiet kbar f'dan is-settur li jħarsu għall-25 sena li ġejjin.
Il-qasam diġitali
Il-Ministru Schembri sostna li wieħed mis-setturi li kiber ħafna f'dawn l-aħħar ħames snin kien is-settur diġitali, li waqt il-pandemija kiber b'20%. Huwa sostna li “Issa qed naqtgħu l-frott ta' ħidma f'setturi ekonomiċi ġodda."
Kompla billi qal li l-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-proposta tal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) sabiex id-Digital Innovation Hub jiġi ffinanzjat minn fondi Ewropej. Dan se jgħin lil negozji żgħar u medji u start-ups fit-trasformazzjoni diġitali permezz ta' teknoloġiji bħal AI, Blockchain, cyber high performance u cloud solution. Huwa ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jniedu ħames strateġiji li jkopru l-AI, eskills, cyber security, telecommunication li kollha jaqgħu taħt Malta Diġitali.
Gaming, video game development u esports
Is-settur tal-Gaming kien ukoll settur li anke waqt il-pandemija baqa' jikber. Fil-fatt waqt il-pandemija l-impjiegi f'dan is-settur żdied b'2,000.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega kif dan huwa settur b'saħħtu u li se jkompli jissaħħaħ. “Iżda aktar minn hekk qed naraw niċċeċ ġodda. Fl-2019 nedejna strateġija, biex ninvestu fil-qasam tal-video game development u esports. Illum għandna 300 ħaddiem f'dan il-qasam, b'madwar 20 kumpanija jaħdmu minn pajjiżna."
Kompla jispjega li f'Awwissu ġie mħabbar li kumpanija rinomata f'dan is-settur, Keyword Studio, fetħet il-bibien tagħha ukoll f'pajjiżna. Kif ukoll, l-akbar kumpanija fid-dinja li torganizza avvenimenti ta' Esports, iffirmat kuntratt ta' tlett snin mal-Gvern Malti sabiex itella' f'Malta dawn l-avvenimenti.
Apparti dan, sar ftehim ieħor mal-kumpanija Unity, waħda mill-aktar kumpaniji rinomati fil-lingwa tal-video games development, li se jwassal sabiex ikollna 400 student fl-MCAST u l-Università f'livelli 3 u 4 ċertifikati minn Unity. Qal ukoll li f'pajjiżna, bejn it-3 u l-4 ta' Novembru, se tkun qed tittella' wkoll expo dwar video games u esports, Playcon.
Blockchain, Fintech u Crypto
Il-Ministru Schembri qal li fl-2018 konna l-ewwel pajjiż li daħħalna qafas regolatorju f'dan is-settur. Kompla li f'Ġunju il-Parlament Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea qablu fuq framework għal swieq f'assi crypto, MICA. Dan ifisser li f'dawn is-setturi pajjiżna għandu 6 snin vantaġġ minn pajjiżi Ewropej oħra. Dan għaliex issa dan il-qafas ħa jkun liġi rikonoxxuta fuq livell Ewropew. Sostna li llum diġà hawn 11-il kumpanija liċenzjata fil-crypto, 10 service providers, 600 ħaddiem u 9 biljuni f'assi. Dawn apparti kumpaniji fuq blockchain li m'għandhomx bżonn liċenzja.
Start-ups
Fil-qasam tal-istart-ups se jitwaqqaf one-stop shop. Indis Malta se tkun qegħda tibni wkoll Business Incubation Centre ġdid li se jsir b'fondi Ewropej. Apparti skemi ta' assistenza b'tax credits u grants mill-Malta Enterprise taħt il-proġett Business Enhance, kif ukoll it-twaqqif ta' venture capital u seed funding mill-MIMCOL.
Artiġjanat
Permezz tal-INDIS bosta artiġjani ngħataw art fejn jaħdmu fil-villaġġ artiġjanali f'Ta' Qali. Ix-xogħol tal-gvern huwa lest u issa qed tingħata għajnuna lill-artiġjani li waqgħu lura fix-xogħol. Is-sena d-dieħla se jitlesta Incubation u Interpretation Centre, b'hekk qed ngħinu lil wirt Malti jibqa' ħaj.
Artijiet
Il-Ministru Schembri sostna li “L-art tal-gvern għandha valur kbir u rridu naraw li nieħdu l-aqwa minnha. Minbarra d-diversi skemi ta' simplifikazzjoni li diġa tnedew u oħrajn li se jitniedu dalwaqt, fosthom li jingħata ċens kummerċjali għal 45 sena lis-sidien ta' negozji li jridu jinvestu, qegħdin ukoll nidentifikaw artijiet sabiex dawn jsiru ġonna pubbliċi, spazji miftuħa biex b'hekk ikollna pulmuni fl-irħula tagħna u fl-istess ħin nidentifikaw artijiet li llum m'humiex utilizzati sabiex naraw li nieħdu l-aqwa introjtu minnhom."
“Dan kollu juri kemm dan il-budget huwa wieħed li jaħseb għall-isfidi tal-lum iżda fuq kollox jippreparana għall-ġejjieni", temm jgħid il-Ministru Silvio Schembri.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946