STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Imħabbar servizz għall-ħarsien tas-saħħa mentali għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa
Waqt it-tnedija tal-istrateġija l-ġdida għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa 2022-2030, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar proġett ġdid, Caring for Carers, li permezz tiegħu tim multi-dixxiplinarju se jkun qed iħares is-saħħa mentali tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
Huwa spjega li l-proġett huwa ntiż li jantiċipa problemi ta' anzjeta, dipressjoni, livelli għolja ta' stress u burnout li jistgħu jesperjenzaw il-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa minħabba n-natura eżiġenti ta' xogħolhom. “Ma rridux nassiguraw biss li l-ħaddiema tagħna joffru l-aqwa livelli ta' kura lill-pazjenti, irridu nassiguraw ukoll li huma stess jirċievu l-għajnuna u l-ħarsien li hemm bżonn biex jibqgħu b' saħħithom, mentalment u fiżikament," sostna Fearne.
Id-Deputat Prim Ministru kompla jispjega li l-għan ta' dan l-eżerċizzju hu wieħed preventiv u li minbarra li joffri l-għajnuna neċessarja, se jservi wkoll biex joħloq għarfien fost il-ħaddiema u l-management dwar x' tip ta' sfidi mentali jeżistu fuq il-post tax-xogħol, kif wieħed jista' jlaħħaq magħhom, jagħraf problemi mentali fi stadju bikri u jgħin lilu nnifsu u lil ta' madwaru f' dawn iċ-ċirkostanzi. Dan il-proġett se jibda mill-ħaddiema tal-Isptar Monte Karmeli, u jestendi ruħu għall-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa.
Waqt l-istess konferenza tkellmu diversi kelliema lokali u mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa dwar l-isfidi lokali u globali tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa rrikonoxxiet l-isforzi ta' pajjiżna għat-tfassil tal-istrateġija u ħeġġet iżjed pajjiżi jużaw l-isforzi ta' Malta bħala eżempju li għandhom jimxu fuqu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en