Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Il-Proġett Msida Creek: tnaqqis ta’ 40% fil-ħin tal-ivvjaġġar, 60% spazji miftuħa, pjan kontra l-għargħar

pr221448
Date Icon 23/10/2022

Infrastructure Malta (IM) se tissottometti pjanti ġodda quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal applikazzjonijiet għall-iżvilupp tal-Proġett Msida Creek.

Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ IM Ivan Falzon, fil-preżenza tal-kunsilli lokali tal-Imsida u tal-Pietà. 

Il-ministru spjega li permezz ta’ dan il-proġett se jkun hemm iktar konnettività u tnaqqis ta’ 40% fil-ħin tal-ivvjaġġar, filwaqt li 60% tal-proġett, kif qed jiġi propost, issa huwa dedikat għal spazji pubbliċi miftuħa li ser jagħtu dehra ferm isbaħ lill-qalba ta’ din il-lokalità.

Huwa qal li minbarra l-bini ta’ flyover minflok il-junction bis-sistema ta’ traffic lights fix-Xatt tal-Imsida, u faċilitajiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar, inkluża mogħdija ġdida għall-mixi u għar-roti, il-proġett jaħseb ukoll biex isir titjib kbir u tisbiħ tal-inħawi fil-madwar b’żoni ġodda għar-rikreazzjoni. 

Iż-żieda fl-ispazji miftuħa u żoni ta’ rikreazzjoni li ser jinħolqu permezz tal-proġett jinkludu pjazza ġdida ta’ 2,200 metru kwadru quddiem il-knisja parrokkjali u kanal tal-ilma baħar li jagħmel ukoll parti minn pjan kontra l-għargħar. Dan il-kanal twil 300 metru se jkun imdawwar b’passaġġi qalb is-siġar f’żona fejn wieħed ikun jista’ jqatta’ ħin ta’ mistrieħ f’ambjent għall-kwiet.

Dan l-investiment ta’ madwar €18-il miljun jinkludi d-disinn u l-bini mill-ġdid tal-junction tat-traffic lights li tgħaqqad Triq il-Marina (minn u lejn Sa Maison u l-Belt Valletta), Triq il-Wied tal-Imsida u Triq Mikiel Anton Vassalli (minn u lejn ir-roundabout tal-iskatepark f’Tal-Qroqq), kif ukoll it-titjib ta’ numru ta’ konnessjonijiet oħra ma’ toroq oħrajn fl-inħawi li jwasslu minn u lejn il-Gżira, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex. 

Id-disinn propost għal dawn it-toroq se jelimina l-ħin ta’ stennija fit-traffic lights kif ukoll inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji ta’ aċċidenti tul din ir-rotta arterjali, waqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja fil-qalba tal-Imsida u f’żoni oħra fil-viċinanzi.

Din l-arterja, li testendi mill-inħawi ta’ Sa Maison fl-Imsida sar-roundabout tal-iskatepark f’Tal-Qroqq, hija waħda mill-arterji prinċipali fis-sistema tat-toroq tal-pajjiż li tgħaqqad il-Belt Valletta u r-reġjun tal-Port il-Kbir mar-reġjuni tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar permezz ta’ Triq il-Wied tal-Imsida, Triq Dun Karm (Birkirkara Bypass), Triq Reġjonali u Triq il-Kosta. Mill-junction tat-traffic lights fix-Xatt tal-Imsida jgħaddu aktar minn 4,500 vettura kull siegħa li jivvjaġġaw minn u lejn il-Belt Valletta u lokalitajiet oħrajn fil-viċin.   

Il-flyover ġdida, b’korsija f’kull direzzjoni u twila madwar 200 metru, li qed tkun proposta għal dan il-proġett, se tgħaqqad direttament Triq il-Marina ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli, sabiex jonqos l-impatt tat-traffiku fuq iż-żoni residenzjali u dawk għar-rikreazzjoni fl-inħawi, fosthom il-prominade tal-Imsida. Bl-istruttura tal-flyover flok it-traffic lights, il-proġett se jżid l-effiċjenza u l-kapaċità ta’ din l-arterja, waqt li jnaqqas il-livelli għoljin ta’ tniġġis fl-arja u storbju li hemm bħalissa bil-waqfien u l-istennija sakemm jaqilbu t-traffic lights.

It-titjib ta’ din l-arterja importanti fis-sistema tat-toroq tagħna hija parti mill-impenn kontinwu ta’ Infrastructure Malta sabiex ittejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura għat-trasport fuq l-art madwar il-pajjiż, u sabiex tipprovdi l-kapaċità neċessarja sabiex jingħelbu l-isfidi ta’ bħalissa u jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-futur. L-aġenzija għamlet Road Scheme Upgrade Assessment u Road Safety Audit biex tassigura li l-infrastruttura ġdida tilħaq b’mod effiċjenti u sigur il-ħtiġijiet tat-trasport f’din iż-żona, kemm dawk ta’ bħalissa kif ukoll fil-futur.

Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta se ttejjeb ukoll il-konnessjonijiet għat-trasport pubbliku tul din ir-rotta fejn is-servizz tal-karozzi tal-linja huwa mfittex ħafna. Ser jinbnew ukoll bankini iżjed wesgħin kif ukoll rotta ġdida max-xatt għall-mixi u għar-roti, li eventwalment tgħaqqad Tal-Pietà ma’ Ta’ Xbiex u Triq il-Wied tal-Imsida; filwaqt li ser ikun hemm numru ta’ pelican crossings sabiex wieħed jaqsam it-triq b’mod sigur.

L-aġenzija se toħloq ukoll parkeġġ bi spazju għal 100 vettura, imsaqqaf b’pannelli solari, filwaqt li ż-żona ta’ madwar il-Monument tal-Ħaddiem se tinbidel fi spazju aħdar permezz ta’ xogħol ta’ tisbiħ bi tħawwil ta’ aktar siġar u pjanti u jingħaqad mal-ġnien pubbliku li hemm preżenti. Dan se jkopri madwar 4,500 metru kwadru.

Il-pjanti l-ġodda tal-proġett jinkludu sistema komprensiva għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita sabiex tittaffa l-problema tal-għargħar li ilha teżisti f’din iż-żona għal għexieren ta’ snin.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Il-Proġett Msida Creek: tnaqqis ta’ 40% fil-ħin tal-ivvjaġġar, 60% spazji miftuħa, pjan kontra l-għargħar
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Il-Proġett Msida Creek: tnaqqis ta’ 40% fil-ħin tal-ivvjaġġar, 60% spazji miftuħa, pjan kontra l-għargħar
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow