Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Taħriġ lill-professjonisti dwar il-vjolenza domestika

pr221446
Date Icon 23/10/2022

Bħala parti mill-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza domestika, qed jingħata taħriġ lill-professjonisti li waqt il-qadi ta' dmirijiethom jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-vittmi tal-vjolenza. Dan it-taħriġ qed jingħata mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u qed isir fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati li fetħet il-bibien tagħha għal persuni oħra minn sferi differenti tas-soċjetà, iżda li jaħdmu mill-qrib ma' persuni vulnerabbli. It-taħriġ huwa pilastru ewlieni li fuqu msejsa l-istrateġija nazzjonali, li permezz tagħha, il-gvern qed itenni l-impenn tiegħu biex jiġġieled din il-pjaga soċjali.

Fi żjara li għamlu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, iltaqgħu u tkellmu mal-professjonisti li qed jattendu dawn is-sessjonijiet li se jwasslu biex ikunu jistgħu joffru servizz aħjar lil dawk li potenzjalment jistgħu jkunu vittmi ta' vjolenza. Il-parteċipanti kienu jinkludu persuni li jaħdmu f'entitajiet pubbliċi kif ukoll membri ta' għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-settur.

Il-Ministru Byron Camilleri nnota b'sodisfazzjon li l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati fetħet il-bibien tagħha għal professjonisti oħra li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza domestika kif ukoll il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Qal li, “Vittma ta' vjolenza tispiċċa vittma darbtejn jekk ma ssibx l-għajnuna meħtieġa. Għalhekk dawn is-sessjonijiet fl-akkademja qed jgħinu lil dawk li jaħdmu direttament mal-vittmi biex ikollhom l-għodda meħtieġa biex jagħtu l-aqwa għajnuna lil dawk li jkunu għaddejjin mit-trawma li ġġib magħha l-vjolenza".

Il-Ministru Camilleri kkonkluda li dan huwa gvern li jagħti importanza lil kulħadd, b'mod partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli, fost vittmi ta' vjolenza; importanza li eventwalment tissarraf f'għajnuna differenti skont il-każ xi jkun.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li l-gvern huwa kommess li jkompli jiġġieled il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. L-istrateġija nazzjonali toffri qafas u pjan ta' azzjoni sabiex il-gvern jinvesti r-riżorsi meħtieġa. M'hemmx dubju li l-akbar prijorità hija l-edukazzjoni biex jgħallmu kull saff tas-soċjetà li dan mhux aġir aċċettabbli.

“Mal-mument li persuna tfittex l-għajnuna, importanti li dik il-persuna nittrattawha b'imħabba u b'kompassjoni. Hija l-missjoni tagħna li nibqgħu nikkollaboraw ma' diversi msieħba soċjali biex nassiguraw li n-nies isibu u jirċievu l-għajnuna li jeħtieġu meta jfittxuha".

Il-ministru u s-segretarju parlamentari rringrazzjaw lill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika li tant taħdem fil-qrib mal-entitajiet ikkonċernati sabiex tiżgura li s-servizzi jaslu għand dawk il-persuni li b'xi mod jew ieħor ġew milquta mill-vjolenza domestika. Irringrazzjaw ukoll lill-għaqdiet li jaħdmu fil-qrib mal-vittmi sabiex jgħinuhom jibnu ħajja 'l bogħod mill-vjolenza.

Fost il-professjonisti li attendew kien hemm membri mill-korp tal-pulizija, mid-Dipartiment tas-Saħħa, għalliema u rappreżentanti li jaħdmu fis-settur edukattiv kif ukoll persuni li jaħdmu fil-professjoni legali.

Ritratti (MHSR)

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Taħriġ lill-professjonisti dwar il-vjolenza domestika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Taħriġ lill-professjonisti dwar il-vjolenza domestika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow