Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Qafas leġiżlattiv ġdid li ser isaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema

pr221440
Date Icon 21/10/2022

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħabbar l-introduzzjoni ta’ pakkett leġiżlattiv robust dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali (digital platform workers), kif ukoll tibdil leġiżlattiv ieħor li ser jassigura kundizzjonijiet tax-xogħol aktar trasparenti u prevedibbli.

Permezz ta’ dan, il-gvern mhux biss ser ikun qed jimplimenta miżura elettorali oħra sabiex ikompli jissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiema, iżda qed jibgħat messaġġ ċar li l-ħaddiem dejjem kien u ser jibqa’ ikun ta’ prijorità għal dan il-gvern. 

Il-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li fl-aħħar snin kien hemm żieda fl-attività tal-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali, iżda sfortunatament ħafna minn dawn il-ħaddiema kienu qed jiġu suġġetti għal numru ta’ irregolaritajiet u kundizzjonijiet miżeri. Huwa spjega li l-liġi eżistenti ma kinitx b’saħħitha biżżejjed biex tindirizza dan is-settur u kien għalhekk li l-gvern ħass il-bżonn li jirregola s-settur mill-aktar fiss, saħansitra qabel ma tiġi maqbula l-proposta tad-Direttiva Ewropea f’dan ir-rigward.

Huwa kompla li l-qafas leġiżlattiv ġdid issa ser jirregola r-relazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol bejn il-ħaddiem tal-pjattaforma diġitali u l-pjattaforma nnifisha jew inkella l-aġenzija tax-xogħol. Apparti minn hekk, din il-liġi ser tassigura l-istatus ta’ impjegat lil kull min jaħdem f’dan is-settur, għajr għal xi eċċezzjonijiet. Ser jiġu wkoll applikati regoli ġodda li ser jagħtu dinjità u jissalvagwardjaw l-interessi tal-ħaddiema li daħlu f’kuntratt ta’ xogħol f’dan is-settur, u dawk li jidħlu fis-settur aktar ’il quddiem. 

“Permezz ta’ din il-liġi, min iħaddem issa ser ikun obbligat li, fost l-oħrajn, jipprovdi lill-ħaddiema kuntratt ta’ impjieg, payslip dettaljata, paga minima, leave u bonuses. Min iħaddem ser ikun obbligat ukoll li joffri informazzjoni trasparenti ta’ kif taħdem l-algorithm, f’termini ta’ prestazzjoni, sigħat tax-xogħol u informazzjoni oħra, liema informazzjoni trid tiġi wkoll ippreżentata lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg,” spjega Dr Ellul.

Huwa spjega wkoll li ser ikun hemm tliet xhur ċans qabel ma jibdew japplikaw ir-regolamenti mħabbra, sabiex il-pjattaforma inkwistjoni, l-aġenziji li jħaddmu lill-ħaddiema u l-ħaddiema nfushom ikunu jistgħu jadattaw għar-regoli l-ġodda. 

Liġi li tassigura kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli

Is-segretarju parlamentari ħabbar ukoll tibdiliet fil-liġi Maltija bil-għan li jiġu assigurati kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli. Spjega li permezz ta’ dawn it-tibdiliet, il-gvern ser jittrasponi d-direttiva tal-Unjoni Ewropea u jwettaq wegħda elettorali oħra. Dan ifisser li min iħaddem għandu d-dmir li jipprovdi informazzjoni kompluta dwar l-aspetti essenzjali ta’ responsabbiltà li l-ħaddiem għandu jirċievi bil-miktub fil-bidu tal-impjieg. 

“Għaldaqstant, din il-liġi ser tkun qed tagħti serħan il-moħħ u aktar stabbiltà lill-ħaddiema. Dan għaliex, fost l-oħrajn, il-liġi ser tistipola l-perjodu ta’ prova għal sitt xhur; li wieħed ikun jista’ jistaqsi għal kundizzjonijiet aktar stabbli fuq il-post tax-xogħol; u li min iħaddem għandu d-dritt li joffri taħriġ bla ħlas lill-ħaddiema tiegħu f’każ li dan ikun obbligatorju,” sostna Dr Ellul. 

Is-segretarju parlamentari spjega wkoll li permezz ta’ din il-liġi, min iħaddem mhux ser ikun jista’ jżomm ħaddiem milli jaħdem xogħol ieħor barra mix-xogħol tiegħu, apparti f’każijiet ta’ kunfidenzjalità, saħħa u sigurtà u kunflitt ta’ interess. Huwa żied jgħid li b’din il-liġi, il-kuntratti ta’ żero sigħat ser ikunu projbiti, ħlief għal ħaddiema studenti full-time u meta n-natura tax-xogħol tirrikjedi sostituzzjoni ta’ ħaddiem fi żmien qasir u sakemm il-kuntratt ta’ impjieg ma jkunx wieħed full-time.

Huwa temm jgħid li ż-żewġ liġijiet imħabbra kienu diskussi fit-tul mal-imsieħba soċjali f’diversi laqgħat tal-Bord tar-Relazzjonijiet u l-Impjiegi. 

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Qafas leġiżlattiv ġdid li ser isaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Qafas leġiżlattiv ġdid li ser isaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow