STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA: Ftehim bejn l-ERA u l-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz għal titjib fis-servizzi lill-viżitaturi fid-Dwejra
Rotot ta’ mixjiet ġodda, żjarat edukattivi u tabelli ta’ informazzjoni
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tassisti lill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz biex itejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi fiċ-Ċentru t’Interpretazzjoni fid-Dwejra u r-riservi naturali max-xatt ta’ dawn l-inħawi.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca u s-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa ffirmaw ftehim li se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġt entitajiet għas-sentejn li ġejjin. Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.
Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-ERA u lill-Kunsill Lokali għall-impenn tagħhom lejn dan il-park naturali f’Għawdex, li huwa fost l-aktar spazji miftuħa popolari f’Għawdex.
“Filwaqt li ma nistgħux aktar nammiraw it-Tieqa, id-Dwejra xorta tibqa’ fost l-aktar siti b’xenarji mill-isbaħ f’pajjiżna, b’ambjent mdawwar bi flora u fawna endemiċi, diversità ta’ ħajja marittima, ġeoloġija u storja mill-isbaħ. Għalhekk b’dan il-ftehim se nkunu qed ngħinu lit-turisti u r-residenti japprezzaw aktar il-valur li għandu dan is-sit, filwaqt li nkomplu nżidu l-impenn tagħna biex inħarsuh għal ġenerazzjonijiet futuri,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li, “Id-Dwejra għadha magħrufa għas-sbuħija naturali tagħha. Il-baħar mill-isbaħ, l-irdumijiet pittoreski, li jattiraw diversi persuni matul is-sena kollha. Huwa għalhekk li ftehim bħal dan huwa essenzjali sabiex inkomplu ntejbu l-esperjenza tal-viżitaturi li jagħżlu li jżuru dan il-post meraviljuż.”
Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz ilu jieħu ħsieb iċ-Ċentru t’Interpretazzjoni f’isem l-ERA mill-2013. Issa b’dan il-ftehim, l-ERA se tipprovdi lill-Kunsill Lokali l-assistenza meħtieġa biex tkompli ttejjeb dan iċ-ċentru billi torganizza żjarat edukattivi, tospita sessjonijiet ta’ taħriġ, u tinstalla marine litter bins, filwaqt li ttella’ wirjiet u tiġbor tagħrif ambjentali dwar il-wirt ekoloġiku ta’ din iż-żona.
Parallel ma’ dan il-ftehim, l-ERA u Ambjent Malta qed jinstallaw ukoll tabelli ta’ informazzjoni ġodda f’din iż-żona. L-awtorità qed tniedi wkoll tliet rotot ta’ mixjiet qosra, li se jkunu mmarkati b’tabelli b’kuluri differenti, biex il-viżitaturi faċilment ikunu jistgħu jgawdu din iż-żona mingħajr ma jaffettwaw il-bijodiversità ta’ dan l-ambjent. Dawn il-mixjiet se jgħaddu lill-viżitaturi minn postijiet ta’ interess f’dawn l-akwati, filwaqt li jipprovdu tabelli t’informazzjoni dwar speċi importanti li jinsabu f’dawn iż-żoni.
Id-Dwejra hija żona protetta li taqa’ taħt l-Att tal-Protezzjoni Ambjentali u Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni taħt id-Direttiva tal-Abitat tal-UE, li tifforma parti min-Network ta’ Natura 2000. Partijiet minn dan is-sit jibbenefikaw ukoll minn żoni oħra protetti bħala Żoni Speċjali Protetti, hekk kif dan is-sit huwa ta’ importanza għall-għasafar tal-baħar li jbejtu fl-akwati tal-irdum. Dan il-park naturali jinkludi wkoll ir-Riserva Naturali tal-Ġebla tal-Ġeneral u s-Santwarju tal-Għasafar tad-Dwejra/Qawra. Id-Dwejra hija wkoll protetta bil-liġi bħala Żona tal-Pajsaġġ b’Valur Għoli, Żona Importanti Ekoloġika u Sit Xjentifiku Importanti.
Għal aktar tagħrif żur www.era.org.mt jew www.localgovernment.gov.mt/en/lc/SanLawrenz.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946