STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U L-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: Abbozz ta’ liġi biex fi proċess għal smigħ ta’ kawża tkun eliminata l-possibilità li akkużat jabbuża mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja
F’abbozz ta’ liġi ppubblikat llum, il-Gvern qed jipproponi emendi leġislattivi biex jaqta’ lok ta’ abbuż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, inkluż proċessi ġudizzjarji.
Il-Kodiċi Kriminali jipprovdi li l-ħelsien mill-arrest jingħata dejjem jekk smigħ ta’ kawża ma jseħħx fi żmien 30 xahar, f’każ li persuna tkun akkużata b’reat li jkun punibbli bi 15-il sena ħabs jew iżjed.
L-emendi legali ppubblikati llum b’hekk jipprovdu għas-sospensjoni tat-termini għall-għoti tal-ħelsien mill-arrest f’każ li l-akkużat iwaqqaf smigħ ta’ kawża billi jikkaġuna ħsara lilu nnifsu u f’każ li smigħ ta’ kawża ma jkunx jista’ jseħħ għal raġuni attribwibbli esklussivament lil xi wieħed jew aktar mill-akkużati. Fil-każ li smigħ ta’ kawża ma jseħħx minħabba effetti ta’ ħsara ta’ xi akkużat fuqu nnifsu jew għal raġuni attribwibbli għal xi azzjoni li ssir mill-akkużat, inkluż il-ħsara ta’ ko-akkużat fuqu nnifsu, dak it-terminu jiġi sospiż għal xahrejn jew għal kemm iddum il-ħsara fil-każ tal-akkużat li jkun ikkaġuna ħsara fuqu nnifsu, u dwar il-ko-akkużati għal xahrejn kull darba b’massimu ta’ sitt xhur dwar l-okkażjonijiet kollha li fihom tintuża din id-dispożizzjoni.
Dan l-abbozz ta’ liġi kien konġuntament preżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri.
Il-Ministru Jonathan Attard tenna kif interventi leġislattivi ta’ dan it-tip ikomplu jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jassigura li ma jkunx hemm abbużi mill-proċessi ġudizzjarji. Dan b’rispett lejn il-vittmi, qrabathom u s-soċjetà inġenerali, u biex b’hekk verament issir ġustizzja.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq fuq l-importanza illi l-amministrazzjoni tal-ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli u li l-użu ta’ tattiċi għad-dewmien jiġi miġġieled. Dan ukoll biex isaħħaħ il-fiduċja ta’ dawk kollha involuti fil-proċess tal-investigazzjoni tad-delitti, tal-infurzar tal-liġi, tal-istess amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-fiduċja tal-pubbliku inġenerali li jistenna li l-ġustizzja ssir.
Stqarrijiet Oħra:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946