STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR: 23 inġiniera jirċievu l-warrant biex jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom
Il-professjoni tal-inġiniera hija ċentrali fl-iżvilupp tal-pajjiż
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta l-warrant lil 23 inġiniera li temmew il-kors ta' studju tagħhom fl-Inġinerija u għaddew mill-eżami tal-warrant biex issa jkunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
F'diskors li għamel waqt ċerimonja fil-MUŻA fil-Belt Valletta, il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar is-sinifikat tal-warrant li huwa r-rikonoxximent tal-istat lejn persuna li bil-warrant tkun tista' teżerċita professjoni u li allura dan il-fatt iġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-Bord tal-Inġiniera jkollu kuntatt aktar regolari ma' dawk li għandhom warrant u b'kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Inġiniera u b'entużjażmu jwettqu proċess li jidentifika x'inhuma l-ħtiġijiet tal-professjoni. “B'dan il-proċess irridu nifhmu fejn hemm bżonn tmur il-professjoni u kif se naħdmu aktar biex nattiraw aktar żgħażagħ lejn l-inġinerija," stqarr il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Huwa saħaq li l-professjoni tal-inġiniera hija ċentrali fl-iżvilupp ta' kull pajjiż għaliex hija pilastru fl-immodernizzar tad-dinja. F'din id-dinja teknoloġikament avvanzata hemm bżonn inġiniera li jwasslu l-ideat tagħhom billi japplikaw il-prinċipji tal-matematika u x-xjenza li jkunu studjaw tul il-kors edukattiv tagħhom.
Il-Ministru enfasizza r-responsabbiltà tal-inġiniera biex fil-ħidma kollha li jwettqu jżommu f'moħħhom il-miri ambjentali li għandu pajjiżna fl-ambitu ta' stat membru tal-Unjoni Ewropea li qed tħares lejn is-sena 2050 bħala l-mument meta l-Ewropa tkun ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju.
Huwa tenna li, “F'dak kollu li tfasslu u toħolqu huwa importanti li taraw li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis fl-emmissjonijiet għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħkom bħalma għandhom ikunu prijoritajiet għall-professjonijiet l-oħra konnessi. Fiż-żmien li ġej se jkunu adottati miżuri marbuta ma' obbligi Ewropej, biex fil-proġetti kollha li jkunu se jsiru jimplimentaw il-kunċett ta' effiċjenza enerġetika. L-inġiniera wkoll se jkollhom ir-responsabbiltà li jaraw li dak li jfasslu jkun fil-linja mal-miri ambjentali tagħna."
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi fakkar ukoll lill-inġiniera fir-responsabbiltà tagħhom lejn il-protezzjoni tal-konsumatur u sabiex jitħarsu s-sigurtà u s-saħħa pubblika. Huwa appellalhom sabiex jikkontribwixxu fit-tfassil ta' policies nazzjonali u li jkunu attivi biex ikomplu jkabbru r-rilevanza tal-professjoni tagħhom. Huwa fakkar lill-inġiniera fid-dover tagħhom li josservaw il-kodiċi tal-Etika tal-Kamra tal-Inġiniera bil-għan li jaħdmu bl-ogħla standards possibbli u b'hekk iservu lis-soċjeta inġenerali bl-aqwa mod.
Huwa temm jgħid li bħala ministeru responsabbli mis-settur, qed jara li l-Bord tal-Inġiniera jingħata r-riżorsi li għandu bżonn biex jgħin fl-iżvilupp tal-professjoni tal-inġiniera.
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm iċ-Chairperson tal-Bord tal-Inġiniera Dr Noel Camilleri, flimkien ma' membri mill-istess bord.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946