Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Il-Gvern se jieħu l-industrija tal-yachting u s-superyachts għal-livell li jmiss

pr221267
Date Icon 29/09/2022

L-ewwel politika nazzjonali sal-ewwel kwart tal-2023


Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia mexxa delegazzjoni li pparteċipat fil-Monaco Yacht Show, l-avveniment ewlieni dinji tas-superyachts.

Waqt iż-żjara, il-Ministru kellu numru ta' laqgħat ma' stakeholders ewlenin fl-industrija biex jiġu identifikati oqsma kif din l-industrija, li ġġib lejn Malta dħul ekonomiku sostanzjali, tkun tista' tissaħħaħ u tiġi żviluppata aktar.

Din iż-żjara tkompli tibni fuq it-tnedija li saret il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif tħabbar l-ewwel kumitat ta' tmexxija li se jkun qiegħed iħejji l-ewwel Politika Nazzjonali ta' Malta għall-Yachting u s-Superyachts.

Il-Ministru Farrugia żar ukoll l-istand 'Maritime Malta', fejn Transport Malta qed tipprovdi lill-fornituri lokali ta' servizzi relatati mal-industrija tal-yachting u s-superyachts pjattaforma promozzjonali biex jesebixxu lil Malta bħala ċentru internazzjonali għas-servizzi tal-yachting.

Dan ikompli jsaħħaħ il-preżenza dejjem tikber ta' Malta fl-industrija dinjija tas-superyachts kif ukoll ikompli jżid ir-rikonoxximent bħala l-pajjiż bl-akbar reġistru tal-vapuri fl-Ewropa u destinazzjoni popolari tal-yachts fil-Mediterran.

Il-Gvern qed jieħu numru ta' inizjattivi biex isaħħaħ l-industrija tal-yachting f'Malta u jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni ta' Malta bħala ġurisdizzjoni ewlenija, kemm bħala destinazzjoni kif ukoll fl-għażla tal-bandiera.

Waqt iż-żjara, il-Ministru tenna l-impenn tal-Gvern lejn din l-industrija u rringrazzja lill-istakeholders Maltin kollha għar-rwol tagħhom biex ipoġġu lil Malta bħala l-aktar ġurisdizzjoni b'saħħitha tal-yachting fl-Ewropa.

Dawn l-inizjattivi, flimkien mal-viżjoni ċara tal-Gvern għal din l-industrija, wasslu għar-riżultati pożittivi ħafna li qed jinkisbu fir-reġistrazzjoni ta' superyachts taħt il-bandiera Maltija. F'dawn l-aħħar ħames snin, in-numru ta' superyachts ta' aktar minn 24 metru rdoppja, b'żieda ta' 6% tkun reġistrata matul l-aħħar disa' xhur.

Il-Ministru Farrugia rrimarka li dawn ir-riżultati nkisbu bis-saħħa tal-isforzi tal-istakeholders kollha kif ukoll bl-impenn tal-ħaddiema ta' Transport Malta. Huwa sostna li dak li Malta kisbet huwa xhieda li l-impenn lejn il-kwalità qed iħalli r-riżultati, fejn il-Malta Flag Administration irnexxielha żżid kemm ir-rata ta' tkabbir tagħha kif ukoll ittejjeb il-prestazzjoni teknika tal-flotta reġistrata.

“Dawn ir-riżultati pożittivi jħeġġuna naħdmu aktar biex nassiguraw li Maritime Malta tkompli tgawdi reputazzjoni b'saħħitha fuq livell internazzjonali u nkomplu nikkonsolidaw lil Malta bħala ċentru internazzjonali ta' eċċellenza marittima fil-Mediterran. Dan iwassal ukoll għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità f'Malta. Huwa għal din ir-raġuni li nħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha sabiex jipparteċipaw fit-tfassil tal-ewwel Politika Nazzjonali għall-Yachting u s-Superyachts," temm jgħid il-Ministru Farrugia.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Il-Gvern se jieħu l-industrija tal-yachting u s-superyachts għal-livell li jmiss
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow